F’din l-eżortazzjoni li l-Papa ħareġ fil-festa ta’ San Franġisk t’Assisi, tmien snin wara l-enċiklika Laudato Si, il-Papa jsejjaħ biex inkunu responsabbli fl-azzjonijiet tagħna. Isejħilna biex nagħmlu hekk minħabba li qed jinħassu l-effetti tat-tibdil fil-klima fid-dinja, u li wasalna fil-punt ta’ tkissir. Ikompli billi jgħid li dawn l-effetti jinħassu primarjament fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fis-sors ta’ impjieg, fl-aċċess għar-riżorsi, u fl-akkomodazzjoni.
L-iktar parti prominenti ta’ din l-eżortazzjoni tinsab fl-aħħar kapitlu, fejn il-Papa jibda billi jenfasizza li mhux biss qiegħed isejjaħ lill-Kattoliċi, iżda lill-aħwa tiegħu ta’ kwalunkwe reliġjon, minħabba li t-tama awtenitka mhux biss tagħti s-saħħa lill-qalb tal-bniedem, iżda wkoll tittrasforma l-ħajja. Fl-aħħar paragrafu, jibda bit-titlu tal-ittra, li hija Praise God. Għaliex meta l-bniedem jipprova jieħu l-post ta’ Alla, jispiċċaw għedewwa kiefra tagħhom infushom. Permezz ta’ dan l-għeluq, il-Papa ġabar dak kollu li ried iwassal f’din l-ittra f’sentenza waħda.
Fl-aħħar mill-aħħar jekk jinqered l-ambjent, il-bniedem, u l-umanita kollha, jispiċċaw meqrudin ilkoll. Il-bniedem jiddependi min-natura biex jgħix. Kważi kull ħaġa li żżommna ħajjin hi frott tan-natura maħluqa minn Alla. Din tkompli tagħti raġun lill-Papa biex isejjaħ lil kull reliġjon mhux biss lill-Insara. Minkejja d-differenzi fit-twemmin, il-kawża li qed niġġieldu għaliha hi għall-benefiċċju tagħna lkoll, irrelevanti r-reliġjon.
B’hekk il-bniedem għandu jingħaqad għal din il-kwistjoni perikoluża u jagħti r-rispett li ħaqqha n-natura, kemm minħabba t-twemmin tiegħu iżda wkoll minħabba l-benefiċċju globali. F’din l-eżortazzjoni l-Papa kien ċert li jsemmi l-problemi li qed naffacċjaw, u għalfejn għandna niġġildulhom. Grazzi għal din l-eżortazzjoni, min jaqraha jista’ jagħraf li jaċċetta d-differenzi bejn it-twemmin tiegħu u ta’ ħaddieħor u jikkonċentra fuq dak li hu l-ġid komuni.
Sam Schembri
Kandidat (Malta)