Din il-Fergħa kellha l-bidu tagħha fl-1948 minn erba’ ex-membri tal-Museum. Ġiet rikonoxxuta u bdiet tifforma parti mis-Soċjetà tal-Museum bil-barka ta’ Dun Ġorġ Preca fis-17 ta’ Ottubru 1960. Din il-Fergħa hija miftuħa għall-irġiel miżżewġa, romol u ġuvintur.
Sidna Ġesù Kristu kien idur fil-Galilija u jsejjaħ in-nies biex jimxu warajh (ara Mk1:16– 20). Din l-istess sejħa li insiru dixxipli tiegħu, Ġesù qiegħed jagħmilha lilna wkoll. Biex nilħqu dan l-iskop ikollna kelliema li b’taħditiet fuq l-Iskrittura, fuq il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, kif ukoll fuq Enċikliċi u Eżortazzjonijiet Appostoliċi mogħtija lilna mill-Papiet, jgħinuna nsiru nafu mhux biss min hu Ġesù, iżda wkoll x’irid minna.
L-attività prinċipali tagħna tibqa’ dik ta’ formazzjoni nisranija permezz ta’ talb u ta’ tagħlim b’taħditiet kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt minn kelliema, li kif għidna jkunu preparati tajjeb fis-suġġett li jkellmuna fuqu. Kull tant żmien ikollna wkoll xi programm li jieħu forma ta’ diskussjoni.
F’okkażjonijiet jew festi speċjali isiru ċelebrazzjonijiet speċjali li fihom ċertament ma jonqosx tagħlim mill-ħafna kotba li kiteb il-Fundatur San Ġorġ Preca.
Il-Fergħa tagħti importanza speċjali lill-irtiri. Fil-fatt isiru madwar erba’ irtiri matul is-sena.
Fl-aħħar Sibt ta’ qabel il-festa tal-Milied, ikollna attività reliġjuża u soċjali. Nibdew biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li tkun tinkludi l-għanjiet tal-Milied. Ma jonqosx li dakinhar ikollna fostna lis-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-Museum biex iwasslilna l-awguri tal-Milied. Wara jkun organizzat riċeviment.
F’Novembru ta’ kull sena jkollna quddiesa għal ruħ il-membri mejtin tal-Fergħa. Għal din il-Quddiesa minbarra n-nisa tagħna, ikunu mistednin in-nisa u l-familjari tal-membri li jkunu ħallewna.
Fl-aħħar ġranet tas-Sena niltaqgħu biex permezz ta’ siegħa adorazzjoni mhux biss nirringrazzjaw lil Alla għal dak li għamel magħna matul is-sena li tkun waslet biex tintemm, iżda wkoll biex nitolbuh maħfra għan-nuqqasijiet li nkunu kkommettejna. Għalhekk din l-attività nsibuha bħala “Grazzi u Maħfra”.
Kull tant żmien, il-Fergħa tal-Koperaturi torganizza ħarġiet kulturali u anki konferenzi għall-pubbliku dwar temi attwali.
Kull min jixtieq jibda jattendi għal-laqgħat tagħna huwa mħeġġeġ jikkuntattja lil Gaetan Cilia, Superjur tal-Fergħa fuq dawn in-numri: 21494800/79494807 jew inkella lil Paul Borg, Assistent Superjur fuq in-numri: 21487617/99847330.
Agħmel like u segwi l-paġna ta’ Facebook tal-Fergħa tal-Koperaturi ta’ Malta.