Alla jagħżel
il-ħwejjeġ boloh biex jikkonfondi
’l-għorrief;
u l-ħwejjeġ morda biex jikkonfondi
l-ħwejjeġ qawwija, u
l-ħwejjeġ ta’ bla ġieh u ta’ tmaqdir, u li mhumiex biex jeqred dawk li huma.
(1 Kor 1:27-28)
Fl-istess Il-Ktieb tal-Kostituzzjonijiet, il-Fundatur jikteb: “B’min jinqeda ta’ spiss Alla għall-opri ta’ ħwejjeġ kbar u wisq glorjużi? San Pawl jgħallem li Alla jagħżel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex jikkonfondi ’l-għorrief; u l-ħwejjeġ morda tad-dinja biex jikkonfondi l-ħwejjeġ qawwija, u l-ħwejjeġ ta’ bla ġieh u ta’ tmaqdir tad-dinja, u li mhumiex biex jeqred dawk li huma.” Għalhekk, biex ikun tassew koerenti ma’ din il-loġika bibblika, is-Soċju għandu jħaddan stil ta’ ħajja li, ftit jew wisq, ma jħallihx komdu għax jagħmlu sinjal ta’ kontradizzjoni, kundizzjoni meħtieġa għall-profezija.
Huwa għalhekk li din id-dimensjoni dejjem ġiebet u għadha ġġib magħha skumdità u sfida għas-Soċju. L-ebda profeta qatt ma ħassu komdu fil-kultura ta’ madwaru għax il-profetiżmu min-natura tiegħu jitlob mill-profeta li jemarġina ruħu fis-soċjetà ħalli jkun jista’ jħares lejha minn perspettiva kritika. L-idea li l-profeta jibqa’ donnu fuq l-għatba tas-soċjetà tagħtih ukoll il-vantaġġ li jimmedja bejn il-valuri ġenwini tagħha u l-inganni li tkun qiegħda tgħix fihom.
Biex ikun jista’ jgħix din id-dimensjoni profetika hu meħtieġ li s-Soċju, fil-waqt li jħobb id-dinja, jikseb l-identità tiegħu mill-valuri ta’ l-Evanġelju u jniżżel l-għeruq ta’ ħajtu fi Kristu ta’ qalb ħelwa u umli. B’hekk is-Soċju ma jkunx jixbah lid-dinja, imma jinbidel bit-tiġdid ta’ moħħu, biex jagħraf liema hi r-rieda ta’ Alla, dak li hu tajjeb, dak li jogħġob, dak li hu perfett. (Rum 12:2)
Is-Soċju jifhem li d-dinja għandha bżonn li tarah jgħix skond dak li hu msejjaħ biex ikun. Għalhekk għandu jifraħ meta minħabba l-kapaċità li għandu li jagħżel bejn dak li hu etern u dak li hu moda jirnexxilu jqanqal mistoqsijiet f’ta’ madwaru. Persważ mill-massima li “dak li mhux etern mhu xejn”, hu jilbes modest; juża flusu favur l-appostolat, il-foqra u kawżi ġusti; meqjus fit-tip ta’ mezzi li jinqeda bihom għar-rikreazzjoni personali; ma jkejjilx kemm jagħti minn ħinu; lest li jċedi biex ma jiqafx bħal blata samma kontra l-mewġ ta’ l-arroganza; jaħfer kull darba li jsib li hu kellu raġun; jindokra ruħu mill-kurżità u mill-kliem żejjed, u jżomm ’l Alla biss b’xhud ta’ għemilu. Bħal Ġwanni l-Battista, is-Soċji jeħtiġilhom jibqgħu juru l-valuri perenni anki jekk jinħassu “vuċi fid-deżert”. L-istil ta’ ħajjithom irid dejjem jibqa’ jxandar bla biża’ l-iskandlu u l-bluha tas-salib.
Bħala lajċi s-Soċji ma jistgħux iwarrbu l-meħtieġ għall-ħajja u l-bżonn tal-mistrieħ, żewġ aspetti li huma wkoll relattivi skond l-individwu. Imma dan il-bżonn jista’ jinħoloq faċilment minn forzi tal-konsum u jsir tant pressanti li jibda jittieħed bħala kriterju assolut. Dan joħloq sfida serja għall-attitudni ta’ faqar u frugalità li għandu jħaddan is-Soċju.
Biex igħix hekk is-Soċju għandu bżonn tad-Direzzjoni Spiritwali. Apparti milli ilha sa mill-bidu tas-Soċjetà mitluba mill-Fundatur, id-Direzzjoni Spiritwali hija marbuta primarjament mal-kultivazzjoni tat-tfittxija t’Alla fil-ħajja, ma’ l-eżami tal-motivazzjonijiet fil-ġewwieni tal-bniedem, u, fil-lingwaġġ tal-Fundatur, mal-ġlieda kontra l-inganni biex fis-Soċju jidher aktar “il-bniedem il-ġdid” skond il-qalb t’Alla.