Iżda “darba,” jirrakkonta Eugenio Borg, “kif konna hemm, dar fuqi u qalli: ‘Nhar il-Ħadd, int u jien immorru passiġġata flimkien, ġib biċċa ħobż… u xi ħaġa x’tixrob.’ U hekk għamilt; niftakar kont ħadt miegħi Bibbja bl-Ingliż. Morna l-istazzjon… dħalna ġo għalqa, u bilqiegħda fuq blata taħt siġra kont naqra mill-Bibbja u Dun Ġorġ joqgħod ifissirli. U din mhux darba għamilnieha. Konna ndumu siegħa u nofs, sagħtejn, u ġieli anki aktar, u mbagħad konna mmorru lura d-dar, jiena nerġa’ mmur insib lil sħabi.”
Eugenio kien ħa kopja tal-Bibbja bl-Ingliż u beda jaqra waqt li Preca qagħad ifissirlu. Laqgħat bħal din baqgħu jsiru kull nhar ta’ Ħadd. Preca ma kienx dam ma beda jara f’Eugenio kwalitajiet ta’ mexxej.
Bħala Nisrani ġenwin, Eugenio Borg fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ Preca, sar bniedem ta’ appostolat fix-xandir tal-Kelma t’Alla. Maż-żmien Eugenio sar oratur persważiv fil-konferenzi li kien jagħmel. Kien ukoll jagħti pariri spiritwali lil min jeħtieġhom.
Bniedem li jiddeċiedi li jimxi wara Kristu ssibu devot tal-Ewkaristija u tal-quddiesa. Issibu wkoll bniedem silenzjuż, bla kliem żejjed fuq fommu, umli u ħelu ma’ kulħadd, kapaċi jsofri fil-provi li jgħaddi minnhom u dejjem attent biex jara x’irid Alla minnu fiċ-ċirkustanzi kollha ta’ ħajtu.
Eugenio Borg, bil-grazzja t’Alla li ħadmet fih, kellu dan kollu. Bħala nisrani Kattoliku konvint qatt ma kien iħalli quddiesa u tqarbina, anki b’sagrifiċċju kbir tiegħu nnifsu. Meta xi darba kien iqum ftit tard kien jibqa’ sa nofsinhar ma jduq xejn, la ilma u lanqas ikel, biex jisma’ l-quddiesa fil-ħin tal-brejk. Borg, li kien dijabetiku, kien bniedem li jsofri fis-skiet u jerfa’ s-salib tiegħu ta’ kuljum. Huwa kien karittativ, b’qalb kbira lejn is-soċji sħabu tal-MUSEUM kif ukoll lejn il-poplu inġenerali li kellu bżonn l-għajnuna tiegħu.
Eugenio Borg miet nhar it-12 ta’ Marzu 1967, ħames snin wara l-ħabib kbir tiegħu Dun Ġorġ Preca. Fl-1997, f’għeluq it-tletin sena minn mewtu, infetħet l-Kawża għall-Beatifikazzjoni tiegħu. Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni ta’ dan il-Qaddej t’Alla mitlub jinforma lis-Soċjetà tal-Museum.
Kull min jirċievi grazzja, bl-interċessjoni ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla, hu mitlub jinforma lis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM.
Eugenio Borg
ġurnal informattiv bil-Malti dwar il-qaddej ta’ Alla
u l-ewwel Superjur Ġenerali Ewgenio Borg