L-oriġini tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija jmorru lura għas-seklu għoxrin; jew, biex inkunu iktar preċiżi, is-7 ta’ Marzu, 1907 – il-jum li fih saret l-ewwel laqgħa bejn Dun Ġorġ u grupp ta’ żgħażagħ.
Bħala qassis żagħżugħ, San Ġorġ Preca kien ispirat bil-ħsieb li juża rġiel u nisa lajċi biex jaqdu l-knisja, primarjament billi jgħinhom jgħixu ħajja tassew Nisranija u b’dedikazzjoni sħiħa għall-evanġelizzazzjoni. San Ġorġ Preca donnu kien imħasseb bl-istat tal-katekiżmu fil-knisja lokali. Kien induna li għalkemm Malta kienet prattikament kollha kattolika u l-popolazzjoni kollha midħla tal-knisja, il-biċċa l-kbira tal-Kattoliċi Maltin ftit li xejn kienu jafu dwar il-veritajiet tal-fidi. B’mod ġenerali, ir-reliġjon kienet ibbażata fuq il-prattika tad-devozzjonijiet popolari.
Meta kien għadu student fis-seminarju tal-Arċisqof, San Ġorġ Preca għamel ħabib ma’ grupp ta’ żgħażagħ fil-parroċċa tiegħu, li kienu jqattgħu l-ħin tagħhom jitkellmu u jilagħbu l-futbol quddiem il-knisja wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Huwa għamel ħbieb magħhom u beda jkellimhom dwar affarijiet li kienu jinteressawhom. Hu ħalla mpressjoni profonda fuqhom, partikolarment fuq il-ħaddiem żagħżugħ tat-Tarzna, Eugenio Borg, li kellu jissieħeb miegħu għall-fondazzjoni tas-Soċjetà. Eventwalment, fis-7 ta’ Marzu 1907, inkriet dar żgħira biex isservi bħala l-ewwel dar tas-Soċjetà. Is-Soċjetà nfirxet malajr u fetħet djar f’ħafna parroċċi madwar Malta. Dan wassal għal inkjesta uffiċjali ordnata mill-Vigarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien Mons Salvatore Grech biex tinvestiga is-Soċjetà u l-ħidma tagħha. Wara ħafna snin, l-inkjesta ffinalizzat ir-rapport tagħha dwar il-ħidma tas-Soċjetà, u rrakkomandat biss alterazzjonijiet żgħar fir-regoli bażiċi. Eventwalment fl-1932 is-Soċjetà ġiet approvata kanonikament għad-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex mill-Isqof ta’ Malta, Dom Mauro Caruana OSB.
Is-sezzjoni tan-nisa tas-Soċjetà twaqqfet fl-1910 u segwiet l-istess spiritwalità bħal dik li kienet tgħix is-sezzjoni maskili. Għalkemm iż-żewġ sezzjonijiet tas-Soċjetà jaqsmu ideali komuni u jsegwu mudell simili ta’ attivitajiet, huma totalment indipendenti minn xulxin, b’amministrazzjonijiet separati. Is-Superjur Ġenerali jservi bħala sinjal ta’ għaqda bejn iż-żewġ sezzjonijiet tas-Soċjetà.
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU