Iddawwarx wiċċek lil min għandu bżonn l-għajnuna tiegħek.
L-Aħħar Artikli
Tibqa’ memorja sabiħa dik tal-Qrar f’Champs-Élysées fiż-żjara pastorali tal-Papa Ljun XIV fi Franza. Iż-żjara kienet avveniment ta’ entużjażmu li ftit rajna bħalu. Ħafna rrikonoxxew il-bidla li ġabet din iż-żjara, f’pajjiż fejn Alla ma jiġix l-ewwel; dak li nsejħulu pajjiż lajk, fejn jippruvaw li Alla ma jinħassx. Imma ma deherx hekk fiż-żjara tal-Papa! Fit-tieni ġurnata taż-żjara tal-Papa, is-Sibt 26 ta’ Settembru 2026, numru ta’ Saċerdoti ħallew il-mijiet ta’ eluf (800 elf), ta’ kull eta’, li marru għall-Quddiesa fi ‘Place de La Concorde’ il-Pjazza tal-Armonija, biex joffru lil min xtaq is-Sagrament tal-Qrar. Fost il-ġurnalisti, kien hemm waħda li, b’mod rispettuż, staqsiet lil rappreżentant tal-Gvern Franċiż għaliex sar il-Qrar f’waħda mill-aqwa toroq ta’ Pariġi, ħdejn il-ħwienet, il-kafeteriji u l-lukandi ta' lussu. (Iċ-Champs-Élysées). Din hi t-triq li tesprimi l-kummerċ u l-konsumiżmu fi Franza. Il-ġurnalista staqsiet għaliex Sagrament reliġjuż, hekk privat, kien qed isir fil-pubbliku. Għax ix-xenarju ta' nies għarkupptejhom, jistqarru dnubiethom ftit passi 'l bogħod minn boutiques ta' lussu, qajjem mistoqsijiet dwar jekk l-ispazju pubbliku ntużax b'mod xieraq u jekk dan imurx kontra l-liġijiet ta’ Franża. Għal min m’għandux grazzja mal-Knisja Kattolika dan mhux post għall-espressjoni reliġjuża! It-tweġiba tar-rappreżentant tal-Gvern kienet pulita u diretta. Qal li l-liġi Franċiża mhix kontra l-espressjoni reliġjuża, meta din tkun marbuta ma' avveniment li għandu l-permess uffiċjali u li ma jtellifx l-ordni pubbliku. Hekk, kif kienet iż-żjara tal-Papa Ljun. Staqsa lill-ġurnalista: “ Inti tippreferi li jkollok vetrini mkissra waqt xi nkwiet li ġieli jkun hawn? Jew tippreferi li jkollok nies li jipprattikaw ir-reliġjon b’mod xieraq? Is-sekulariżmu hu li tħalli fil-liberta’ lil min jemmen kif ukoll lil min ma jemminx. “F’din Franza”, qal, “li f’dawn il-jiem hi daqshekk ċivili, kollox mexa bil-kwiet. Jekk inhu dan li jhedded lil Franza, allura Franza sejra tajjeb ħafna”. U spiċċa hekk: “Iktar ninkwieta meta f’xi inċidenti ta’ storbju ikun hemm vetrini mkissra. Kieku dan, iva, jinkwetani.” Joe Galea Membru
Aqra AktarCarlo Acutis kien konvint li “jekk in-nies jifhmu aħjar x’inhi verament l-Ewkaristija, kieku jersqu aktar lejn Alla”. B’hekk beda jevanġelizza fuq l-internet, billi jiddokumenta l-mirakli Ewkaristiċi minn madwar id-dinja. Kien jgħid li l-Ewkaristija hi “it-triq ewlenija tiegħu, l-awtostrada, għall-Ġenna”. Kien jgħid ukoll li l-Ewkaristija hi “mediċina tajba kontra l-egħluq fil-moħħ tal-bniedem”; u li l-Ewkaristija hi “laqgħa personali ma’ Kristu”. Iġib l-eżempju prattiku: “Jekk noqoqgħdu quddiem ix-xemx, insiru somor, imma meta aħna qudiem Ġesu’ fl-Ewkaristija, insiru qaddisin". Kien ċkejken meta Carlo talab li jirċievi l-Ewwel Tqarbina. L-Arċisqof tad-djoċesi ta parir lill-familja biex tiċċelebra dan is-Sagrament f’post kwiet biex ma jtellef xejn mill-ġabra spiritwali ta’ Carlo. Fl-eta’ ta’ 7 snin, Carlo rċieva l-Ewwel Tqarbina f’monasteru fuq il-quċċata ta’ muntanja, hekk li dan il-monasteru jafuh bħala wieħed mill-“postijiet tas-silenzju”, fejn kull kelma li wieħed jaqra u jisma’ takkwista tifsira partikulari. L-imħabba ta’ Carlo għall-Ewkaristija nistgħu niġbruha f’waħda mis-sentenzi tiegħu: “Iktar ma nirċievu l-Ewkaristija, iktar insiru nixbhu lil Ġesu’, u diġa’ fuq din l-art aħna nkunu qed induqu l-Ġenna.” Kien imur għall-Quddiesa kuljum għall-bqija ta’ ħajtu, bla ma tilef qatt l-okkażjoni li joqgħod hemm, mal-ikbar ħabib tiegħu. Il-familja u l-ħbieb tiegħu jirrakkuntaw li kien miġbur b’mod profond lejn l-Ewkaristija u ma kienx jgħaddi minn quddiem knisja mingħajr ma jieqaf biex isellem lil Ġesu’. Kien jemmen li “n-nies jersqu lejn Alla jekk ikunu jafu li Ġesu’ hu tassew fl-Ewkaristija”. Omm Carlo, Antonia, tistqarr li binha sikwit “kien jistaqsi kemm persuni kienu jgħaddu ħin fi kuwijiet twal biex jattendu avvenimenti soċjali. bħal xi kunċet rock u forsi, minkejja li huma Kattoliċi, qatt ma sabu ħin biex jgħaddu ħames minuti fis-silenju quddiem it- tabernaklu, li fih hemm Alla l-ħaj li ħalaqna. L-Ewkaristija hi, kif ngħidu: ‘radd il-ħajr’, ringrazzjament. Hekk ukoll kien iqisha Carlo l-Ewkaristija. Għalih kellha żewġ tifsiriet: dik tat-Tqarbin u dik ta’ l-Adorazzjoni. Permezz tal-adorazzjoni Carlo kien jgħix dimensjoni affettiva importanti: is-skiet, is-smigħ u l-ħbiberija, il-misteru silenzjuż u l-intimita’ tiegħu ma’ Alla. Carlo ma vvinta xejn iżda rnexxielu jiskopri l-qawwa tal-Ewkaristija billi kien imur il-knisja kuljum biex jagħmel adorazjoni. Jista’ jidher att ta devozzjoni barra minn żmienu. Lil sħabu kien jgħidilhom “agħmlu bħali”, u dawk li kienu jmorru ftit ħin quddiem l-Ewaristija, jew inkella jitqarbnu, kienu jinħassu. L-adorazzjoni għenitu biex jesperjenza l-iktar għaqda profonda ma’ Alla. Għalhekk il-qawwa li Carlo jxerred, li tibda mit-tbissima tiegħu, ġejja mill-ħila li jgħix minn dak li jadura. B’Alla f’qalbu, hu hu fil-qalb ta’ Alla, jgħallimna li wieħed jista’ jkun ħaġa waħda ma’ Alla. Kellu konvinzjoni f’qalbu: “Tmur dritt il-Ġenna, jekk tersaq il-jiem kollha lejn l-Ewkaristija.” Kien kapaċi fil-kompjuter, affaxxinat bil-potenzjal u t-tajjeb li seta’ jġib u "ra l-internet bħala mod li jevanġelizza. Fl-aħħar ħoloq wirja ta’ mirakli Ewkaristiċi li daru u għadhom iduru imad-dinja. Dan ir-riżors fuq l-internet jippermetti lin-nies biex ikunu jafu aktar dwar il-fidi u issa huma tradotti fi sbatax-il lingwa.” Carlo Acutis iħeġġiġna nħobbu l-Ewkaristija, kif kien iħobbha hu, li nkunu devoti tal-Madonna, kif kien hu; u li nħobbu l-Knisja, kif għamel hu. Joe Galea Membru
Aqra AktarIs-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM, se torganizza attività speċjali għall-familja kollha bl-isem Sajda Museumina. L-isem tal-attività huwa ispirat mis-sejħa ta’ Kristu lill-ewwel dixxipli tiegħu: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4,19). Permezz ta' din l-inizjattiva, is-Soċjetà tixtieq tiċċelebra l-missjoni tagħha ta’ formazzjoni Nisranija filwaqt li tilqa’ lill-pubbliku biex isir jaf aktar mill-qrib il-ħajja, il-ħidma u l-appostolat tagħha fil-gżejjer Maltin u madwar id-dinja. F’Għawdex, is-Sajda Museumina se ssir fl-10 ta’ Settembru fiċ-Ċentru tal-MUSEUM tal-Belt Victoria. F’Malta se ssir fis-17, fit-18 u fid-19 ta’ Settembru. L-attività tibda fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera u tkompli fil-grawnds tal-Iskola St Michael. Kull waħda mill-erba’ serati tibda fis-6:30 p.m. Il-programm jinkludi wirjiet, spazji interattivi, attivitajiet għat-tfal, kif ukoll taħditiet minn membri tas-Soċjetà adattati għal etajiet differenti. Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad magħna għal din l-attività u jesperjenza din is-Sajda b’differenza. https://www.youtube.com/watch?v=cn15W3ZLnuk&pp=ygUKc2RjIG11c2V1bQ%3D%3D
Aqra AktarGħalkemm kien tassew sabiħ nilgħab mat-tliet ħuti subien u mal-kuġini, il-ħajja mimlija enerġija tagħhom kienet titlob ukoll mumenti ta’ mistrieħ u kwiet. Il-kenn sieket tal-librerija tad-dar kien isejjaħli, tifla ċkejkna ta’ seba’ snin. F’dik il-ħemda, bid-dawl dehbi tax-xemx ta’ waranofsinhar, il-librerija kienet rokna ta’ paċi għal tifla u l-kotba tagħha; don mill-isbaħ ta’ skiet u ħin li jgħaddi bil-mod. Xi tnax-il sena wara, qalbi mħawda, kienet għajjiena mill-ħajja soċjali tal-kulleġġ u kienet tixxennaq għal kenn ieħor ta’ skiet, bħal-librerija ta’ tfuliti. Dak iż-żmien, il-kappella Newman Chapel fl-Università ta’ Kentucky kienet dejjem miftuħa, u filgħaxijiet matul il-ġimgħa, normalment tkun vojta. Id-dawl tal-lampier tas-Santissmu Sagrament kien jurini t-triq lejn is-skiet qaddis, u jien kont nistrieħ fih, grata għal dan il-għajn ta’ paċi f’nofs ħajja storbjuża u bla direzzjoni. Ftit wara bdejt nirċievi tagħlim fil-fidi Kattolika. Ħabib tiegħi, saċerdot, tani ktieb tal-mibki Arċisqof Metropolita Anthony Bloom, Beginning to Pray. X’teżor uniku! Kemm kien differenti mill-kotba devozzjonali li s-soltu jingħataw lil min ikun għadu jibda l-mixja tal-fidi! Silta minnhom dehret qisha qabżet mill-paġna hekk kif qrajtha, b’qalbi tħabbat: “Il-jum meta Alla jkun assenti, meta Hu jibqa’ sieket; dak huwa l-bidu tat-talb. Mhux meta jkollna ħafna x’ngħidulu, iżda meta ngħidu lil Alla: ‘Ma nistax ngħix mingħajrek; għaliex inti daqshekk kiefer, daqshekk sieket?’ Din il-konvinzjoni li rridu nsibuh jew immutu; hija din li twassalna biex nidħlu fil-post fejn inkunu fil-Preżenza.” Minn hemm ’il quddiem, żammejt sħiħ mad-don interjuri tas-skiet ta’ Alla, li mingħajru l-ansjetà u l-għeja kienu jaħkmuni għalkollox. Fost l-istorbju u t-taqlib ta’ madwari, kont ningħata mumenti qosra ta’ ġabra u kalma, anke meta s-santwarju sieket u l-lampier aħmar tiegħu kienu ’l bogħod minni. Għal ħafna snin, flimkien mal-ħtiġijiet kontinwi ta’ familja kbira, tgħallimt ngħix fis-skiet interjuri, anke waqt li kont impenjata f’xi ħidma oħra. Fl-aħħar, fi xjuħiti, iltqajt mal-Membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Xi grazzja! Hekk kif bdejt indaħħal f’ħajti t-talb tal-Arloġġ Museumin, ħassejt tidwi fija l-għajta lil Alla li ħarġet mill-qalb ta’ San Ġorġ Preca: “Ma niflaħx inkun mifrud mit-tjieba tiegħek!” Hawn sibt lil xi ħadd li fehem id-don uniku tas-skiet. Fejn qalb titkellem ma’ Qalb bil-lingwa tal-imħabba, is-skiet imbierek isir ħaġa waħda mat-tjieba nnifisha ta’ Alla. Santa Tereża ta’ Calcutta wkoll tafferma dan id-don misterjuż, li tassew imur lil hinn mill-fehma tal-bniedem: “Alla jitkellem fis-skiet tal-qalb... u aħna nisimgħu. Imbagħad nitkellmu mill-milja ta’ qalbna u Alla jisma’. U dan is-smigħ, din it-talba, hija għaqda ma’ Alla...” Wara li dan l-aħħar attendiet għall-Adorazzjoni Ewkaristika, binti qaltli li kienet immaġinat l-Ostja kkonsagrata bħal speċi ta’ buttuna li tgħaqqad il-mant moħbi ta’ Alla mad-drapp tal-umanità. Tabilħaqq, mistrieħ fil-Monstranza, Ġesù jurina ż-żewġ naturi tiegħu, magħqudin flimkien fih innifsu. Fis-sena 451 WK, il-Konċilju ta’ Kalċedonja stqarr li ż-żewġ naturi ta’ Kristu huma magħqudin “mingħajr taħlit, mingħajr tibdil, mingħajr firda u mingħajr separazzjoni”. Għalkemm l-għaqda ipostatika hija duttrina profonda, anke tifel jista’ jifhem dak li jgħaqqad flimkien is-sema u l-art fil-qdusija tal-Ewkaristija, żgħira daqs buttuna! Ejjew, nadurawh lil Kristu Sidna, id-Don tas-Skiet Imbierek! Ruth D. Lasseter Assoċjata Indiana, l-Istati Uniti
Aqra AktarEugenio Borg, li kien l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Is-Soċjetà u l-Knisja ta’ Malta ilhom f’ħidma biex Eugenio Borġ jiġi dikjarat Beatu, bħalma kien dikjarat San Ġorġ Preca qabel ma ġie dikjarat qaddis. Għażla għaqlija Meta Dun Ġorġ għażel lil Eugenio Borg, għamel għażla tassew tajba. Ra fih kwalitajiet tajbin, għal wieħed li se jmexxi s-soċjeta’ ġdida tiegħu. Kompla jagħtih l-formazzjoni li kien jeħtieġ, biex ikun Soċju ħabrieki u ta’ qalb tajba. Dun Ġorġ xtaq li jwaqqaf soċjetà ta’ katekisti li jkunu kapaċi jgħallmu tagħlim tajjeb. Huwa għamel ħbieb ma’ grupp ta’ żagħżagħ li kienu jiltaqgħu quddiem il-Knisja tal-Ħamrun. Dawn ma kellhom l-ebda tagħlim u kienu jintefgħu jpejpu, jitkellmu fuq il-futbol u jiċċajtaw. Is-seminarista Ġorġ beda jiltaqa’ magħhom b’mod regolari biex jgħallimhom dwar Alla, dwar Sidna Ġesu’ Kristu u suġġetti importanti oħra. Sar ħabib magħhom, speċjalment ma’ Eugenio Borg, żagħżugħ ħabrieki u fuq tiegħu. Darba, Dun Ġorġ dar fuq Eugenio u qallu biex il-Ħadd ta’ wara jmorru passiġġata flimkien. Qallu wkoll biex jieħu xi ħaġa x’jiekol u l-Bibbja. Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ laqgżat li fihom Dun Ġorġ kien jispjega l-Bibbja lil Eugenio Borg, li wara kellu jsir l-ewwel Superjur Ġenerali tal-MUSEUM. Ħaddiem fit-Tarzna Eugenio Borg kien ħaddiem fit-Tarzna, ħabrieki u eżatt fix-xogħol tiegħu, mingħajr ma kien jiskarta jew jaħdem bil-mod apposta biex jgħaddi l-ħin. Ħaddiema fl-istess workshop kienu qalu li ma kienx iħalli nies ikellmuh waqt il-ħin tax-xogħol. Kien igawdi rispett minn sħabu, imma kien hemm min ifixklu. Lil dan Eugenio kien jieħdu bil-paċenzja u meta kien jitolbu biex isellfu l-għodda, kien jislifhielu bla tgergir. Fit-2 ta’ Frar 1907, Dun Ġorġ beda jlaqqa’ ż-żagħżagħ fi Knisja żgħira fil-Ħamrun. Wara kera dar bi ftit kmamar f’numru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Kien f’din id-dar li saret l-ewwel laqgħa tal-MUSEUM. Ftit ġranet wara, Dun Ġorġ qal lis-Soċji li minn dakinhar ‘il quddiem ma riedx li s-Soċji jpejpu. F’dak iż-żmien it-tipjip kien vizzju komuni. Qalilhom hekk biex jidraw jiċċaħħdu. Kif sema’ lil Dun Ġorġ jgħid hekk, Eugenio, li kien ipejjep ħafna, ħareġ il-pakkett tas-sigaretti mill-but, għaffġu u minn dakinhar ‘il quddiem ma pejjipx sigarett ieħor. Dun Ġorġ nissel fis-Soċji ukoll imħabba qawwija lejn l-Evanġelju minħabba li l-Vanġelu jlaqqagħna mal-persuna għażiża ta’ Ġesù Kristu. Kien iħobb jgħidilhom, “Kunu ħbieb tal-Evanġelju.” Eugenio kien jieħu siltiet mill-Bibbja u fil-ħin tal-brejk kien imur f’xi rokn u joqgħod jaqra u jirrifletti. Ħajja ta’ ħidma Kuljum, wara l-ħin tax-xogħol, Eugenio kien imur bil-mixi jew bir-rota f’irħula differenti biex jgħallem il-katekiżmu lit-tfal u liż-żgħażagħ. Il-Ħadd kien joħodhom għall-passiġġata fil-kampanja. Eugenio Borg ma’ San Ġorġ Preca Is-Soċji, fosthom Eugenio, ma kinux kuntenti biss li jgħallmu lit-tfal. Kienu jaħtfu kull opportunità biex jgħallmu anke lill-kbar. Ilaqqgħu lin-nies u jgħidulhom xi kelma ta’ ġid anke fil-ħwienet tat-te’, fil-każini, f’xi pjazza jew f’xi ħanut. Dawk li kienu jisimgħuhom kienu jistagħġbu bil-ħeġġa li kien ikollhom u mhux l-ewwel darba kien hemm min bidel ħajtu. Dun Ġorġ kien jgħallem lis-Soċji biex ma jiilfux okkażjoni ta’ ġid. Darba Eugenio kien ħdejn id-dwana, il-Furjana qabel tidħol il-Belt u sema’ kuċċier ta’ karozzin jidgħi. Jidher li kien raġel b’saħħtu u tal-ġlied. “Tkellem sew!”, qallu Eugenio. “X’għedt?”, wieġbu l-kuċċier taparsi mhux jifhem. Eugenio reġa’ qallu “Tkellem sew!” u r-raġel taparsi ma fehmux. Imbagħad Eugenio resaq ħdejh u għajjat, “Tkellem sew!”. Il-kuċċier donnu nstamat u qallu, “Kollox sew, sinjur”. Dawn huma ftit episodji mill-ħajja ta’ Eugenio Borg. Ifakkruna biex nitolbu lil dan il-qaddej ta’ Alla, kemm biex narawh dikjarat Beatu mill-Knisja kif ukoll nitolbuh xi grazzja li nixtiequ għalina u għall-oħrajn. Joe Galea Membru
Aqra AktarDawk li jixtiequ jkunu sinjal profetiku, anke b’mod ċkejken, l-ewwel jagħmlu għażla definittiva għas-Saltna ta’ Alla, mingħajr ma jeskludu xejn u mingħajr il-qerq ta’ “ħajja doppja”. C. S. Lewis kiteb fil-ktieb tiegħu The Great Divorce: “…jekk naċċettaw il-ġenna, ma nkunux nistgħu nżommu lanqas l-iżgħar u l-aktar tifkiriet intimi tal-infern.” Il-profeti veri kollha jirċievu l-istess mandat biex iwarrbu dawk it-tifkiriet li jħassru r-ruħ, sabiex is-sinjal differenti tagħhom jiddi b’safa sopranaturali. Għal Iżaija, is-sinjal kien ġamra tan-nar li anġlu ġablu mill-artal tan-nar ta’ Alla biex tnaddaf “xufftejh imniġġsa” u b’hekk ikun jista’ jwieġeb: “Hawn jien, Mulej, ibgħat lili!” Mosè rċieva l-ewwel sinjal profetiku tiegħu fis-siġra taqbad, mixgħula bin-nar tal-preżenza ta’ Alla iżda qatt ma tinħaraq. San Ġwann Battista, li Ġesù sejjaħlu l-akbar fost il-profeti, insista fuq il-konverżjoni u l-ħajja ġusta permezz tal-magħmudija. It-tagħlim dwar kif wieħed ikun sinjal profetiku lil hinn mill-Magħmudija jinsab imniżżel fl-Atti tal-Appostli u fl-Ittri ta’ San Pawl. Dawn l-istruzzjonijiet profetiċi jkellmu lill-Insara ta’ kull żmien: jagħtu glorja lil Alla u fl-istess waqt jaffermaw il-kobor tal-bniedem bħala ħolqien glorjuż, għalkemm jeħtieġ li jiġi mġedded permezz tal-fidwa ta’ Kristu. Ix-xewqa ħerqana tal-missjunarju li jkun sinjal profetiku għall-oħrajn tibda b’talba għall-purifikazzjoni f’kull qasam ta’ ħajtu. Is-sejħa tiegħu, bħal dik ta’ Mosè quddiem il-ħurrieqa taqbad bin-nar, titqabbad min-nar ħaj tal-preżenza ta’ Alla li jgħammar fih, u ssib il-prefigurazzjoni tagħha fil-ġuf ta’ Marija, meta n-Nar stess ta’ Alla sar tarbija. Meta t-Tarbija Mqaddsa twieldet fid-dinja, għajtet b’leħen qawwi, saħansitra mill-maxtura, biex tiġi mħarsa u mħaddna. Qabel ma Ġesù qal l-ewwel kelma tiegħu, huwa diġà għallem lil dawk kollha li kienu se jsiru dixxipli biex jemmnu fih u jilqgħuh. Marija u Ġużeppi qalu “iva”, u hekk saru l-ewwel dixxipli; is-sinjal tagħhom kien il-Familja Mqaddsa. Tul iż-żminijiet kollha, lajċi ordinarji, poeti u artisti ppruvaw jagħtu vuċi lill-profezija, flimkien mat-teologi u l-mistiċi kbar tal-Knisja. It-tieqa ċirkolari tat-tramuntana tal-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi turi l-profeti, is-slaten u l-imħallfin tat-Testment il-Qadim, kollha jixegħlu mill-qalba tar-Roża, fejn il-Verġni Marija tħaddan lit-Tarbija Ġesù. Il-konklużjoni tal-poeżija Little Gidding ta’ T. S. Eliot (mill-Four Quartets) tiddikjara l-punt fejn tiltaqa’ kull profezija b’mod mistiku: il-preżenza ta’ Alla li jgħammar fina, l-Inkarnazzjoni, fejn in-nar ħaj ta’ Alla jaqbad b’qawwa, jittrasforma, iżda ma jeqridx: ...A condition of complete simplicity (Costing not less than everything) And all shall be well and All manner of thing shall be well When the tongues of flame are in-folded Into the crowned knot of fire And the fire and the rose are one. Ruth D. Lasseter Assoċjata Indiana, l-Istati Uniti
Aqra AktarFid-dinja tal-lum, fejn ħafna nies qed jiddubitaw jew saħansitra jitbiegħdu mill-fidi, il-ktieb The God I Don’t Believe In ta’ Juan Arias joffri riflessjoni interessanti u profonda dwar immaġini ta’ Alla li ħafna drabi ma nkunux qed naħsbu fuqhom. L-awtur ma jiktibx kontra Alla, iżda kontra ċerti kunċetti żbaljati ta’ Alla: Alla li jbeżża’, li jikkontrolla, li jżomm lill-bniedem marbut fil-biża’, jew li jintuża biex jiġġustifika l-passivita quddiem il-problemi tal-ħajja. Minflok, Arias jippreżenta Alla li huwa qrib il-bniedem, Alla tal-liberta, tal-imħabba u tat-tama. Kristu jibqa’ dejjem ġdid! L-awtur jinsisti li Kristu ma jistax jiġi “maqbud” jew spjegat darba għal dejjem, għax dejjem joffri sfidi u perspettivi ġodda lil kull ġenerazzjoni. Dan ifakkarna li għandna nkomplu niskopru l-ġmiel tal-Evanġelju fil-kuntest tal-lum. Eżempju qawwi li jsemmi Arias huwa dak tal-farfett li ma jiċħadx il-passat tiegħu, iżda jassimilah u jibni fuqu biex itir lejn orizzonti ġodda. Lezzjoni biex filwaqt li napprezzaw it-tradizzjoni li rċevejna, ma nibqgħux mwaħħlin fil-passat. Tema oħra importanti hija l-attenzjoni lejn il-fqar u dawk li jinsabu fil-periferiji. L-awtur ifakkarna li Kristu jinstab b’mod speċjali fil-laqgħa mal-oħrajn, speċjalment ma’ dawk li qed ibatu jew qed ifittxu t-tifsira tal-ħajja. Din hija stedina biex il-fidi ma tibqax teorija iżda servizz konkret għall-oħrajn. Ktieb rakkomandat lil kull min jixtieq japprofondixxi l-fidi tiegħu b’mod matur u sinċier. Ktieb li mhux biss iqajjem mistoqsijiet f’min jaqrah iżda jgħin biex wieħed jersaq aktar lejn dak Alla li tassew jixraq li nemmnu fih. Gabriel Borg Kandidat
Aqra AktarL-Attivitajiet Li Jmiss
Aħbarijiet Riċenti
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU
