L-iskola St Michael hija skola sekondarja tal-Knisja Kattolika mmexxija mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M. L-iskola tilqa’ studenti subien ta’ bejn il-11 u s-16-il sena u kontinwament tistinka għal ħajja aħjar ispirata mit-tagħlim tal-Evanġelju u minn valuri umani oħra. L-iskola tafferma li kull individwu huwa uniku u li d-dinjità tiegħu/tagħha għandha tiġi rispettata bis-sħiħ. Għalhekk, hi tagħmel l-aħjar biex tnissel f’kull student viżjoni ta’ tama bbażata fuq il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.
L-iskola St Michael taħdem bis-sħiħ biex tipprepara lil kull student għal parteċipazzjoni attiva u responsabbli fis-soċjetà bil-kulturi differenti li jsawwruha u l-wirt ambjentali tagħha. L-iskola tistinka biex tilqa’ lill-istudenti tagħha bl-istess attitudni ta’ kura u mħabba li wera Ġesù lejn dawk kollha li tħabbeb magħhom. Għalhekk, Kristu l-Għalliem jibqa’ l-mudell ewlieni li fuqu nfasslu l-imġiba u l-attivitajiet kollha tagħna.
Ispirata mis-sejħa li rċieva San Ġorġ Preca, l-iskola St Michael tippromwovi spiritwalità partikolari fejn il-virtujiet tal-umiltà u l-manswetudni jibqgħu l-attitudnijiet prevalenti li jiggwidawha. Ir-rutina ta’ kuljum fl-iskola hija kontinwament msaħħa bil-preżenza ta’ Alla u mħarsa minn San Mikiel Arkanġlu.
Biex jipprovdi edukazzjoni ħolistika, l-istaff jagħmel ħiltu biex jifforma ambjent edukattiv li jħeġġeġ lill-istudent jesplora u jiżviluppa talenti ġodda biex jikseb l-għarfien meħtieġ li jwasslu biex jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU