Lejn it-tmiem tal-tieni gwerra dinjija, tifel mill-Ħamrun, li kien magħżul fil-MUSEUM, kien marid serjament. Meta Dun Ġorġ sar jaf, hu stess mar id-dar tat-tifel biex iqarbnu. Filwaqt li Dun Ġorġ għolla l-Ostja, staqsa lit-tifel: “Dan min hu?”.
“Dak is-Sinjur Ġesù”, wieġbu. U wara dan l-att ta’ fidi, Dun Ġorġ qarbnu. Imbagħad lit-tifel beriklu wkoll il-kurċifiss in articolo mortis (indulġenza fil-ħin tal-mewt).
Wara li għaddew xi ġranet, lit-tifel kellhom joħduh l-isptar ċentrali, il-Furjana. Missieru mar jarah u ibnu kien pront staqsieh, “Ġibthuli, pa, il-kurċifiss li berikli Dun Ġorġ?”. Billi ma kienx ġabulu miegħu, il-missier mar id-dar biex jaqta’ x-xewqa tat-tifel. U meta ġabulu, it-tifel miet mgħannaq mal-kurċifiss.
Temmen tassew daqs dan it-tifel li l-Ewkaristija hija l-istess Sinjur Ġesù?
Kemm hija kbir ġewwa fik ix-xewqa li tkun mgħannaq mal-akbar ħabib tiegħek Ġesù?
Qiegħed tħabbrek biex mhux biss Ġesù jkun qrib tiegħek imma jkun preżenti ġewwa fik permezz tal-Ewkaristija?