Il-ġrajja ta’ Ġesù fid-deżert niltaqgħu magħha fl-ewwel Ħadd tar-Randan. Fid-deżert, Ġesù jinsab waħdu f’għajnejn il-bnedmin, u jiltaqa’ max-xitan li jittentah biex ikun komdu, għani u biex ikollu l-poter. Forsi wieħed jistaqsi: Imma x’fiha? Il-Fundatur jagħtina ħjiel tat-tweġiba fil-Ġinnasju Spiritwali meta jikteb:
“Jenħtieġ li wieħed jinża’ kollox biex jidħol jissara:
għaliex jekk… ikun imlibbes b’ħaġa anki żgħira,
faċilment l-għadu jsib mnejn jaqbdu u jsabbtu mal-art.”
Ix-xitan jaf mnejn għandu jgħaddi… u għalhekk ipoġġi quddiemna affarijiet li mad-daqqa t’għajn jidhru sbieħ u tajbin.
Imma kif se nagħti mill-enerġija tiegħi għall-mixja wara Ġesù jekk insib lili nnifsi komdu bir-rutina tal-ħajja li għandi? Kif se noffri l-ħin u nuża l-ġid li għandi għall-oħrajn jekk moħħi fil-flus u x-xogħol part-time? Kif se nobdi; kif se nkun umli u naqdi lil ħaddieħor jekk jien marbut mal-ideat tiegħi u rrid li l-affarijiet isiru kif naħseb jien?
Bħal Ġesù fid-deżert jeħtieġ li ninżgħu dawk l-affarijiet li ma jħalluniex liberi li nħobbu. Jeħtieġ li kif jikteb il-Fundatur, nilbsu biss l-armatura tal-orazzjoni, it-talb. Hekk inwaħħluha f’rasna li kulma għandna ġej minn Alla u nkunu iktar ħfief biex kulma nagħmlu nagħmluh għalih.
Daniel Micallef
Membru