Xi minn daqqiet San Ġorġ Preca, bl-umiltà tiegħu kien kapaċi jirbaħ il-qlub l-aktar ibsin. Darba fis-sena 1931, Dun Ġorġ tela’ fuq il-lanċa u qagħad bilqiegħda fuq bank, biex imur mill-Belt għal Tas-Sliema. Fuq bank ieħor, quddiemu sewwa, poġġa raġel li ħareġ saqajh ’il barra biex jiġu f’wiċċ Dun Ġorġ u beda jinsulentah.
Dun Ġorġ baqa’ sieket, biss meta l-lanċa qorbot lejn l-art qam u bies iż-żarbun ta’ dak ir-ragel pastaż. Dak ir-raġel lanqas f’mitt sena ma kien qiegħed jistenna ħaġa bħal dik. “Int Dun Ġorġ Preca,” qallu mistagħġeb. “Ħa niġi miegħek biex inqerr!” Il-Qaddis daħħlu fil-knisja li kien hemm fil-qrib u qarru hemmhekk.
Meħuda mill-ktieb ta’ Ġorġ Borg: San Ġorġ Preca: Ħaj bħal qatt qabel.