Is-Soċjetà tesprimi gratitudni lejn is-Sinjur Alla għal-laqgħat li l-Arċisqof Garcera kellu waqt iż-żjara tiegħu lis-Soċjetà f’Malta bejn il-31 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru, 2024. Minbarra li żar diversi Oqsma, Garcera ltaqa’ mal-Kunsill Eżekuttiv Ġenerali biex ikompli jiddiskuti it-twaqqif tal-Qasam il-ġdid tal-MUSEUM f’Lipa, li se jibda f’nofs Jannar 2025.
Nhar is-Sibt, 2 ta’ Novembru 2024, Garcera ltaqa’ mal-Kandidati fiċ-Ċentru ta’ Formazzjoni, il-Blata l-Bajda. Din il-laqgħa tat opportunità lill-Kandidati biex jistaqsu u jiksbu aktar tagħrif fuq il-kultura u r-realtajiet tal-Filippini.
Wara dan, Garcera ltaqa’ mat-tliet Membri Maltin li se jkunu qed immorru Lipa biex jibdew il-missjoni l-ġdida tas-Soċjetà. Huma ddiskutew mal-arċisqof it-tħejjijiet u t-triq ‘il quddiem.
Il-Ħadd 3 ta’ Novembru 2024, it-tliet Membri u l-familji tagħhom attendew għall-quddiesa fiċ-Ċentru tal-Konferenzi DĦS. Waqt l-omelija, l-arċisqof enfasizza l-importanza li s-Soċjetà tikber fil-kontinent Asjatiku. Wara l-Quddiesa, kien hemm ħin soċjali fejn il-ġenituri tat-tliet Membri tkellmu mal-arċisqof dwar il-Knisja u l-opportunitajiet għall-appostolat tas-Soċjetà f’Lipa.
Inkomplu nitolbu għal din il-missjoni l-ġdida tas-Soċjetà biex tkompli tgħin aktar nies jiltaqgħu mal-ikbar ħabib u benefattur tagħna, Ġesù Kristu.