Fl-20 ta’ Diċembru 2024, il-Qasam ta’ St Albans, Melbourne, ikkonkluda l-attivitajiet tiegħu ta’ sena b’ċelebrazzjoni sabiħa tal-Milied. L-attivtà, bdiet bi drama bis-sehem taż-żgħażagħ u taħt id-direzzjoni tal-membru Tony Gatt. It-titlu kien “Is-Saltna ta’ Alla ġejja” u enfasizzat l-importanza li nieħdu ħsieb lil dawk emarġinati fil-komunità. It-tfal u ż-żgħażagħ, li attendew l-qasam matul is-sena, irċevew rigali tal-Milied magħmulin bl-idejn mill-membri, fosthom presepji, statwi, u plakek tal-injam. Il-kor tas-Samoan u t-tfal tal-qasam kantaw innijiet tal-Milied, filwaqt li Sup Noel Debono wassal messaġġ li enfasizza l-importanza li l-ġenituri jakkumpanjaw lill-uliedhom fil-fidi. Dinjitarji bħas-Sur Mario F. Borg mill-Kummissjoni Għolja Maltija, is-Sinjura Gioconda Schembri mill-Konsolat Ġenerali ta’ Victoria għal Malta, u s-Sinjura Victoria Borg, Kunsilliera lokali għal Brimbank, attendew għall-attività. Steven Ho, ippersonifika lil San Nikola u qassam ftit ħelu u ġugarelli lit-tfal. Madwar 120 persuna, l-aktar tfal u ġenituri tagħhom, attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni. Dawk li attendew, kielu flimkien biex ikomplu jsaħħu l-spirtu ta’ komunità.