Lurin
Il-Qasam ta’ Lurin, il-Perù infetaħ uffiċjalment fl-2003. Tliet Membri kienu ntbagħtu xi għaxar xhur qabel biex jistudjaw il-lingwa u jattendu korsijiet fil-kultura u l-istorja tal-Perù. Matul dawn ix-xhur ta’ preparazzjoni, il-Membri għexu mal-Missjunarji Maltin ta’ San Pawl (MSSP) f’Lima.
Matul dawn ix-xhur, is-Soċjetà bdiet ukoll proġett biex tibni d-dar u ċ-ċentru minn fejn kellha topera l-ħidma missjunarja tagħha. Id-dar l-antika u l-kappella nbnew minn Dun Dun Carlos Azzopardi li għal snin twal ħadem ħafna biex is-Soċjetà tibda l-missjoni tagħha fil-Peru. Dun Carlos kien Membru hu nnifsu, li kien mar l-Awstralja u wara siefer il-Peru, fejn sar saċerdot djoċesan.
Fl-ewwel sena tal-preżenza tagħhom fil-parroċċa ta’ Julio C Tello, il-Membri stabbilixxew lilhom infushom u bdew jgħinu fil-parroċċa speċjalment f’dak li jirrigwarda l-katekiżi. Barra minn hekk, organizzaw ukoll gruppi ta’ formazzjoni fil-fidi għat-tfal, żgħażagħ u adulti b’laqgħat regolari matul il-ġimgħa kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet.
Fit-tieni sena tal-preżenza tagħna, il-ġenituri tat-tfal li kienu qed jattendu l-laqgħat wrew ix-xewqa li jiġu organizzatu xi forma ta’ attività għalihom ukoll. B’hekk ġie ffurmat grupp ġdid bl-isem tal-Fundatur tagħna, Ġorġ Preca.
Illum, minbarra l-attivitajiet li jsiru fil-Qasam, il-Membri jgħinnu wkoll fil-kors ta’ Konfermazzjoni ta’ sentejn immexxi mill-parroċċa u jmexxu wkoll laqgħat kateketiċi fiċ-ċentri parrokkjali li jinsabu fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ żona msejħa Mamacona.
Il-Qasam ta’ Lurin jiftaħ kuljum għat-tagħlim kateketiku kif ukoll għal ħin soċjali. Hemm ġranet speċifiċi fejn jattendu l-bniet u ġranet oħra fejn il-Qasam jilqa’ s-subien. Fi tmiem il-ġimgħa, fix-xitwa, il-Membri jorganizzaw ħarġiet fil-kampanja jew sport fil-grawnds tal-logħob li jinsabu fil-qrib. Imbagħad matul ix-xhur sħan tas-sena, jiġu organizzati ħarġiet ħdejn il-baħar. Għal dawn l-attivitajiet ħafna adolexxenti jattendu bi ħġarhom.
Meta wieħed iżur dan il-Qasam, jista’ faċilment jinnota l-imħabba għall-mużika li għandhom iż-żgħażagħ Peruvjani. Kitarri, pjanu u strumenti lokali oħra jakkumpanjaw l-għajjat ferrieħi tat-tfal l-oħra li jkunu qed jilagħbu l-futbol fil-bitħa jew table-tennis, table-soccer jew logħob ieħor ta’ ġewwa fil-kamra tal-logħob.
Tant hu sabiħ li dawn l-attivitajiet ta’ kuljum jiġbru flimkien tfal, adoloxxenti u żgħażagħ li jgħinu lil xulxin biex ikomplu jikbru fl-imħabba tagħhom lejn Ġesù u fir-rispett lejn xulxin!
Puente Piedra
L-ewwel kuntatt ma’ Puente Piedra sar meta l-Membri tal-SDC ta’ Lurin mexxew numru ta’ seminars lill-katekisti lokali. Eventwalment, is-Soċjetà bagħtet numru ta’ Membri biex jgħixu u jaqdu f’Carabayllo fl-2017. Il-Membri għenu f’diversi parroċċi fejn jidħol it-tagħlim tal-katekiżmu u l-formazzjoni tal-fidi, madankollu, kien fl-aħħar ftit snin meta l-Qasam beda jospita diversi gruppi fil-binja tiegħu stess. Numru sabiħ ta’ tfal u adolexxenti jattendu regolarment għal-laqgħat ta’ formazzjoni tal-fidi tagħhom u jieħdu sehem bil-ħerqa fid-diversi attivitajiet organizzati mill-Membri. Minbarra dan l-appostolat, l-Membri għadhom jassistu gruppi missjunarji f’parroċċi differenti li jiffokaw fuq il-formazzjoni kontinwa fil-fidi.