Ir-Realtà tal-Albanija
L-Albanija huwa l-uniku pajjiż li kien iddikjara lilu nnifsu stat ateu. It-twemmin f’Alla kien reat kontra l-istat b’piena tal-mewt jew xogħol iebes f’ħabs għal għomrok kollu.
Kien biss fil-bidu tad-disgħinijiet meta waqgħet id-dittatura komunista, l-aħħar fl-Ewropa li ġġarfet, li bwieb l-Albanija nfetħu għad-dħul ta’ barranin. Għal tul ta’ kważi nofs seklu, il-pajjiż kien totalment iżolat mill-bqija tad-dinja.
Terġa’ Titwieled il-Libertà Reliġjuża
L-ewwel missjunarja Kattolika li daħlet fl-Albanija kienet il-qaddisa Madre Teresa ta’ Kalkutta, li fil-fatt hija ta’ nisel Albaniż. Hija introduċiet is-sorijiet tagħha hemmhekk, permezz ta’ Fr Gary Walsh, qassis Kanadiż, li kienet iltaqgħet miegħu fl-Indja. Fil-25 ta’ Marzu 1992 fetħet dar tas-Sorijiet f’Korçë, it-tielet waħda fl-Albanija, u Fr Gary kien id-direttur spiritwali tas-Sorijiet. Mal-ewwel in-nies ġiethom il-kurżità u bdew jattendu għall-quddiesa u l-ewwel magħmudijiet seħħew fil-Milied tal-1992. B’hekk bdiet tifforma ruħha komunità żgħira Kattolika.
Is-SDC kienet it-tieni grupp missjunarju li daħal f’Korçë, fis-6 t’April 1993. L-idea faqqset f’moħħ Mons Philip Calleja, iċ-ċerman ta’ SOS Albania, li stieden lis-SDC biex tibda tmexxi skola ta’ livell ta’ Sixth Form li tkun bl-Ingliż. Kien iffirmat ftehim mas-sindku tal-post dwar dan. Minħabba f’hekk tliet membri tal-Museum intbagħatu f’din il-missjoni ambizzjuża. Fis-27 ta’ Settembru 1993, Preca College (Kolegji Preka) www.precacollege.org laqa’ l-ewwel ħamsin student.
L-iskola kellha l-għan li tħejji studenti fuq livelli Ewropej tal-edukazzjoni u saret suċċess mal-ewwel. Illum, wara dawn is-snin kollha, il-kulleġġ għandu fama stabbilita mhux biss fl-Albanija, imma wkoll f’universitajiet ġewwa u barra l-pajjiż, l-aktar fil-Greċja, fl-Italja u fl-Istati Uniti tal-Amerika. Aktar minn ħamsa fil-mija ta’ studenti li ggradwaw mill-kulleġġ, illum qed jistudjaw fl-Amerka, fil-Greċja, f’Malta u pajjiżi oħra, b’ħafna minnhom iġibu riżultati eċċellenti.
Il-kulleġġ u t-tim tiegħu huma konxji mill-importanza li l-persuni għandhom jingħataw edukazzjoni sħiħa. Għalhekk mhemmx konċentrazzjoni biss fuq l-aspett akkademiku tal-edukazzjoni, imma wkoll fuq il-formazzjoni tal-karattru b’valuri umani tajbin, li wara kollox huma wkoll valuri Nsara. Bosta ittri li jaslu minn eks-studenti juru li l-kulleġġ seħħlu jagħmel suċċess f’dan l-aspett ukoll.
Il-Qasam ta’ Korçë
Sa mill-bidu kien hemm prijorità li s-Soċjetà jkollha Qasam. Dan imma ma setax iseħħ qabel ma l-membri jitgħallmu l-lingwa u jkollhom dar xierqa. Sadanittant sar ħafna xogħol ta’ tħejjija – il-membri saru jafu n-nies tal-post, u bdew jgħallmu l-katekiżmu lil dawk, anki adulti, li kienu qed jitħejjew għall-Magħmudija.
Id-dar tlestiet fil-bidu tal-1995, u għalhekk fid-19 ta’ Marzu l-Qasam infetaħ formalment b’żewġ klassijiet u b’lezzjonijiet matul il-ġimgħa u l-ħarġa nhar ta’ Ħadd. Illum il-Qasam għandu aktar klassijiet u anki l-Kulleġġ qed jintuża biex fih jinġabru tfal u żgħażagħ mix-xaqliba l-oħra tal-belt.
Bosta mit-tfal li jattendu mhumiex Kattoliċi għax x’uħud huma ġejjin minn ambjent ateu, imma naħdmu ħafna bil-qalb fosthom. Tarahom jikbru bħala persuni billi jikkomunikaw aħjar bejniethom u mal-barranin. X’uħud jaqbdu wkoll l-Ingliż malajr mhux ħażin. Il-Qasam huwa xehda ta’ ħidma fl-evanġelizzazzjoni u katekeżi, kif ukoll post ta’ soċjalizzazzjoni u promozzjoni umana.
L-Irvellijiet tal-1997
Fil-bidu tal-1997 il-pajjiż kollu nħakem minn sensiela ta’ irvellijiet minħabba l-falliment ta’ xi skemi finanzjarji. In-nies kienu mwegħda li se jingħataw imgħax ta’ mija fil-mija wara tliet xhur jekk jinvestu f’dawn l-iskemi. In-nies bdew jafdaw fihom u saħansitra kien hemm min biegħ id-dar biex jinvesti. Imbagħad f’Jannar tal-1997 falla kollox.
Dan id-diżastru kisser in-nies li bosta minnhom kienu diġà foqra sew. B’rabja u disperament, in-nies infexxet f’anarkija. F’Marzu tal-1997 ir-residenza tas-Soċjetà u l-kulleġġ kienu attakkati, misruqa u mkissra. Il-membri kellhom jaħarbu lejn il-Greċja. Imbagħad meta saru jafu li kien insteraq kollox, telqu lejn Malta fejn damu seba’ xhur.
F’Ġunju imma, tliet membri marru lura Korçë biex imexxu l-eżamijiet annwali. Moħħhom kien fl-istudenti, l-aktar tar-raba’ klassi, li kellhom bżonn iċ-ċertifikat tal-aħħar biex ikunu jistgħu jiggradwaw u jidħlu f’università.
Fil-5 t’Ottubru tal-1997 il-membri kienu lura l-Albanija u fetħu l-kulleġġ mill-ġdid. Ma kellhomx biċċa xogħol ħafifa, imma kellhom ħafna appoġġ mill-ġenituri tal-istudenti u mill-għalliema tal-kulleġġ. In-normalità tad-demokrazija reġgħet kienet stabbilita u fil-fatt l-Albanija qiegħda wkoll tipprova tidħol fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ġejjieni
Korçë mhix belt kattolika. Il-maġġoranza tan-nies huma nsara ortodossi jew musulmani. Madankollu, il-komunità Kattolika qed tikber u hemm sens kbir ta’ appartenenza u dan l-aħħar inbagħat saċerdot fuq bażi permanenti biex jgħinhom. F’Ottubru tal-2016 żewġ membri minn Korçë telgħu Durrës biex jiftħu t-tieni Qasam fl-Albanija. Durrës għandha numru akbar ta’ kattoliċi u dan jippermetti li s-Soċjetà taħdem ma’ aktar nies b’tama li jinbtu vokazzjonijiet ġodda biex aktar nies ikunu jistgħu jaħdmu fil-qasam tal-Mulej.