Il-Bidu
L-ewwel Membri waslu l-Kenja f’Ottubru tal-1989. Kienet wasla hekk mistennija u apprezzata ħafna mill-mibki Kardinal Michael Maurice Ottunga, l-Arċisqof ta’ Najrobi ta’ dak iż-żmien. Il-membri bdew jieħdu ħseib is-Sunday School u l-formazzjoni Nisranija ta’ diversi tfal u żgħażagħ li lkoll ibbenefikaw mill-preżenża tas-Soċjetà. Minkejja l-ħafna diffikultajiet li ħabbtu wiċċhom magħhom, il-membri stinkaw biex iżommu l-appostolat tas-Soċjetà għaddej.
Wara preżenza ta’ ’l fuq minn għoxrin sena, is-Soċjetà hija mimlija tama li l-attività tagħha tkompli tgħin lil dawk li jiġu f’kuntatt magħha. Is-Soċjetà qed tilqa’ l-isfida li toffrilha l-kultura Afrikana u tixtieq tkompli toffri s-sehem tagħha fl-istil ta’ ħajja tal-Kenja filwaqt li żżomm f’moħħha u f’qalbha l-ispiritwalità u l-kariżma tagħha li hemm bżonn jiġu mħarsa dejjem u kullimkien.
Il-Membri
Xi wħud mill-membri fil-Kenja jaħdmu bħala għalliema regolari fi skejjel Primarji u Sekondarji tal-Gvern. Dawn l-iskejjel jinsabu fil-qalba ta’ Ruiru, u għalhekk aħna niltaqgħu ma’ mijiet ta’ studenti, għalliema u ġenituri.
L-Appostolat ta’ Kuljum
Matul il-ġimgħa, il-Qasam jiftaħ kuljum fil-5:00pm. Jiltaqgħu ħames gruppi: tlett klassijiet Preparatorja, il-Magħżulin u l-Aspiranti. Wara ġurnata skola, dawn it-tfal u ż-żgħażagħ jistennew b’ħerqa kbira li jqattgħu ftit ħin jilagħbu wara s-sigħat twal tal-iskola. Wara nofs siegħa logħob, it-tfal u ż-żgħażagħ jidħlu fil-klassi rispettiva tagħhom għal-lezzjoni. Dawn il-lezzjonijiet jinkludu tagħlim mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, laqgħat ta’ talb, qsim ta’ riflessjonijiet mill-Bibbja, sentenzi Leħen il-Maħbub u mill-Ittri tal-Appostli, ħajjiet tal-qaddisin u sentenzi tagħhom, u formazzjoni fl-ispiritwalità tas-Soċjetà tagħna.
Nhar ta’ Sibt, il-Qasam jiftaħ fil-5:00pm bil-programm normali tal-klassijiet tal-katekiżmu, iżda b’xi ħin miżjud għal-logħob. Il-Ħadd filgħodu huwa riservat għal dawk li qed jippreparaw biex jirċievu l-magħmudija, it-tqarbin u l-griżma tal-isqof. Jinqasmu f’sitt gruppi: waħda għal kull sagrament, waħda għat-tfal żgħar, u tnejn oħra għal tfal akbar u żgħażagħ li jibqgħu jiġu għall-katekiżmu għalkemm diġà rċevew is-sagramenti tal-inizjazzjoni. Il-Membri u l-Kandidati kollha, inklużi numru ta’ Aspiranti, huma involuti fit-tagħlim ta’ dawn il-klassijiet.
Il-Ħadd wara nofsinhar, il-Qasam jiftaħ fl-4:30pm għal-logħob. Imbagħad fil-5:15p.m., it-tfal u ż-żgħażagħ kollha jitolbu r-Rużarju flimkien mal-katekisti tagħhom.
Attivitajiet oħra
Minn żmien għal żmien jiġu organizzati attivitajiet bħal ħarġiet u vjaġġi għall-Membri u t-tfal kollha. Dawn isaħħu l-ħbiberija u jservu biex jgħaqdu u jibnu l-grupp. Huwa inkoraġġanti ħafna li numru kbir ta’ żgħażagħ jiġu fil-qasam b’mod regolari.
Jiġu organizzati wkoll laqgħat formattivi għall-ġenituri ta’ dawk kollha li jiġu fil-Qasam, u nsara oħra interessati. Dawn il-laqgħat isiru kull xahar u dawk li jipparteċipaw juru ħafna interess.
Appostolat Ġdid F’Kiratina
Il-Membri u l-Kandidati tal-Qasam ta’ Ruiru żaru Kiratina Outstation iddedikata lil San Ġorġ Preca nhar il-Ħadd 3 ta’ Settembru 2023. Kiratina hija żona madwar 13-il km minn Ruiru u hija parti mill-parroċċa kattolika Juja Farm ddedikata lill-Preżentazzjoni tal-Mulej u mmexxija mill-missjunarji ta’ Mariannhill.
Matul iż-żjara, il-Membri qasmu informazzjoni dwar il-Fundatur u s-Soċjetà, filwaqt li xi Kandidati qasmu l-esperjenza tagħhom tal-Qasam f’Ruiru.
Wara aktar diskussjonijiet u laqgħat, fil-15 ta’ Ottubru 2023 il-Qasam beda jagħmel sessjonijiet ta’ katekiżmu u formazzjoni tal-fidi f’Kiratina kull nhar ta’ Ħadd.
Żjara f’Rang’ala, Siaya
F’Settembru 2023 xi Membri u Kandidati żaru l-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa f’Rang’ala. Matul is-snin li għaddew, din kienet ir-raba’ żjara tas-Soċjetà fil-Parroċċa ta’ Rang’ala f’Siaya. Il-parroċċa hija parti mill-arċidjoċesi ta’ Kisumu u tinsab diversi mili bogħod minn Ruiru.
Minbarra li tkompli ssaħħaħ il-kuntatti mal-parroċċa tat-Trinità Qaddisa f’Rang’ala, s-Soċjetà tkompli tiddixxerni jekk eventwalment hix se twaqqaf Qasam ġdid f’din il-parroċċa. Is-Soċjetà tfaħħar lill-Mulej talli berikha b’aktar opportunitajiet biex tagħmel lil Kristu aktar magħruf u maħbub.
Librerija tas-Self
F’Jannar 2012, il-librerija tas-self Preca fetħet il-bibien tagħha għat-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-Qasam. Il-librerija fiha ftit aktar minn elf ktieb, li jvarjaw minn kotba tal-iskola primarja u sekondarja, kotba tal-istejjer, rivisti National Geographic, bijografiji, kotba ta’ għarfien ġenerali, ħajjiet ta’ qaddisin, kotba spiritwali u ħafna aktar. Nittamaw u nitolbu li l-Preca Lending Library tkun sors ieħor ta’ tagħlim li minnu jibbenefikaw it-tfal u ż-żgħażagħ għall-ġid tagħhom.
Tumshukuru Bwana Mungu wetu! Nirringrazzjaw lil Mulej Alla tagħna!
Agħmel kuntatt mal-Qasam ta’ Ruiru: [email protected].