Fost il-ħafna kotba ta’ San Ġorġ Preca, hemm wieħed bl-isem ta’ Gabinetti. Dawn huma 85 stejjer ta’ ftit linji li minnhom San Ġorġ Preca joħroġ tagħlim prattiku u bi ftit irtokk huma addattati għal kull żmien. Dan hu wieħed mill-Gabinetti.
META NISTĦU NISTQARRU D-DNUB FIL-QRAR
It-tfal tal-oratorju ta’ San Ġwann Bosco kienu jqerru għandu. Lil tifel minnhom, qallu: “Ibni, qerr tajjeb.” Għax induna li dan it-tifel kien qed jiddejjaq isemmi xi dnub milli għamel. Meta fil-Qrar inħossuna nistħu nsemmu xi dnub, ngħidu lill-konfessur li għandna dnub li qed nistħu nsemmuh. Allura l-konfessur jifhem mill-ewwel u bil-karità tiegħu iwassalna biex nistqarru d-dnub tagħna.
Il-Gabinetti jwasslulna għal riflessjoni. Forsi llum il-Qrar m’għadux moda. Mhux bħal meta konna mmorru fil-kju’, l-iktar is-Sibt filgħaxija biex inlestu għall-Ħadd. Hawn ukoll min ma jemminx fil-Qrar, u jgħid: “Għax għandi mmur ngħid lis-Saċerdot? Nista’ noqgħod quddiem il-Kurċifiss u nistqarr dnubieti lilu.” Imma Ġesu’ ma riedx hekk. Ried li bl-umiltà kollha nersqu lejn is-Saċerdot li f’ismu jaħfrilna dnubietna. Ikollna bżonn dik il-kelma tajba biex nirbħu d-dnub, l-aktar meta dan ikun diffiċli. Il-kurċifiss mhux se jkellimna. Is-saċerdot jaħfrilna f’isem Ġesu, li ħafer tant nies kif insibu fil-Vanġelu.
Il-ferħ għal sitt darbiet
L-aktar meta mmorru nqerru għand l-istess saċerdot, qisu jkun jaf x’se ngħidulu għax ikun drana. Allura nħossuna iktar komdi biex ngħidulu x’għamilna. Jifhimna mill-ewwel. U kif tistqarr id-dnub u tħoss il-maħfra, kif ngħidu, “tieħu r-ruħ”. Tħossok ferħan. Niftakru f’dawk it-tliet parabboli tal-ħniena li hemm fil-Vanġelu. Fihom jissemma l-ferħ sitt darbiet. Il-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa, tad-drakma l-mitlufa u tal-iben il-ħali. Jgħinuna nifhmu l-ferħ ta’ Alla meta jsib dak li kien mitluf. Bħar-ragħaj, bħall-mara u bħal missier. Tat-tifel li ħa sehmu u telaq ‘il bogħod mid-dar ta’ missieru.
Fil-parabbola, ir-ragħaj ‘jerfa’ n-nagħġa fuq spallejh, ferħan’; jgħid “Ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa l-mitlufa”; il-mara li sabet il-munita tgħid: “Ifirħu miegħi għax sibt id-drakma li kont tlift”; fil-parabbola tal-iben il-ħali: “Ikun hemm ferħ qalb l-anġli’; u l-missier jgħid: “Ġibu l-għoġol ħa nieklu u nifirħu’; u wkoll: “Jeħtieġ li nifirħu u nithennew għax dak li kien mitluf, instab”. Jiġifieri l-Qrar hu ċelebrazzjoni ta’ ferħ.
Is-sigriet tal-Qrar
Fil-kitbiet u d-diskorsi tiegħu, il-Papa Franġisku jitkellem ħafna dwar dan u jistieden lil kulħadd biex jieħu sehem minn din il-maħfra. Hu tant faċli niltaqgħu mas-saċerdot fil-Qrar. Konvinti li lest biex jismagħna u jaħfrilna. Dak li ngħidulu se jibqa’ moħbi fih. Qatt ma nstema’ li xi konfessur tkellem dwar id-dnubiet ta’ xi ħadd.
Nafu bl-istorja ta’ San Ġwann Nipomiċenu, fis-seklu 14. Kien qassis mir-Repubblika Ceka, dak iż-żmien il-Bohemja. Sofra l-mewt mir-re għax ma riedx jikxef dak li qerret għandu r-reġina martu. Hu protettur tal-konfessuri. Sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm monument tiegħu eżatt fil-kantuniera tal-Loġoġ, il-Furjana, kantuniera ma’ Triq Sant’ Anna u Triq San Tumas. Din kienet statwa tal-ġebel bil-qaddis wieqaf fuq pedistall għoli u b’anġlu ċkejken b’sebgħu l-werrej quddiem ħalqu, jidher qed isikket. Din l-istatwa saret biex tfakkar lil Dun Ġwann Gatt li kien inqatel viċin il-Bieb tal-Bombi biex ma jikxifx is-sigriet tal-qrar.
Din ir-realtà tas-sigriet tal-Qrar tħajjarna biex nersqu bil-fiduċja għal dan is-sagrament. Nistgħu nagħmlu dan, b’mod partikolari fi żminijiet liturġiċi qawwija liturġiċi, bħall-Avvent, il-Milied, ir-Randan u l-Għid biex nitħejjew aħjar għaċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa.
Joseph Galea
Membru