Li kieku tkun taf li ġej ħalliel biex jidħollok ġo darek, ma tagħmilx minn kollox biex tħejji ruħek ħalli ma tħallihx jinfidlek il-ħitan ta’ darek? (Mt. 24:42) Bla dubju! San Ġorġ Preca kien spiss itenni li d-dnub huwa l-akbar għadu tal-bniedem, speċjalment għax jaqtgħu mill-akbar benefettur tiegħu li hu Alla.
Il-kruha u l-ħsara li jġib id-dnub fuq il-bniedem tidher b’mod qawwi fil-fatt li l-Iben t’Alla sar bniedem u offra li jgħaddi minn passjoni u mewt krudila biex isalvana mill-ħakma tad-dnub. Tajjeb li wieħed jaħseb fuq il-konsegwenzi tad-dnub biex jikkonvinċi aktar ruħu fuq kemm għandu jevitah mill-ħajja tiegħu u jiftakar kemm ġid joħroġ mill-grazzja t’Alla.
Inħarsu lejn Marija u niftakru fil-konċepiment immakulat tagħha. Nitolbuha biex bħalha nżommu lilna nfusna ‘l bogħod mid-dnub, l-akbar għadu tagħna l-bnedmin, u fuq l-eżempju tagħha nitolbu lil Alla jimliena bil-grazzja tiegħu!
Tkun imbierka Marija Santissma.
Imbierek il-Konċepiment Immakulat tagħha.
Imbierka l-Maternità tagħha.
Imbierka l-Assunzjoni tagħha fis-sema.
Imbierka l-Verġnità tagħha.
Imbierka l-umiltà tagħha.
Imbierka l-karità ta’ qalbha.