Nhar 15 ta’ Jannar 1981 miet wieħed mill-benefatturi kbar tat-tfal u tal-umanità, il-qassis Taljan Don Zeno Saltini, li waqqaf il-belt speċjali ta’ Nomadelfia fi Grosseto fit-Toscana.
Il-ġurnalist magħruf Taljan Enzo Biagi (1920-2007), li għamel snin twal ixandar fuq ir-RAI, kien qal: “Naħseb li fiż-żmien ta’ wara l-gwerra, l-Italja kellha tliet rivoluzzjonarji veri: Don Zeno, Don Mazzolari u Don Milani. Jiena kont naf lil Don Zeno, rajtu meta ma setax jibqa’ jqaddes il-quddiesa u kont hemm meta mar lura jiċċelebra qalb l-għelieqi, u t-tfal ta’ Nomadelfia kienu hemm madwaru u f’idejhom kellhom ġilju. Lill-iltiema tahom omm. Waqqaf Nomadelfia, il-belt tal-imħabba. Ġarrab insulti u umiljazzjonijiet imma baqa’ jissielet anke meta kien marid ħafna.”
Biagi jgħid li Don Zeno kien jgħid fil-prietki: “Mhux biżżejjed il-ħobż, hemm ħtieġa kbira ta’ mħabba”. Don Zeno “kien jaħseb li l-bniedem hu tajjeb u lit-tfal li kien jiġbor, għax lil ħadd ma kellhom iżjed, tahom innu li jgħid ‘L-omm ma għandha qatt iżjed tmut’ u kien jafdahom f’idejn mara. Fl-aħħar ġabar kollox fil-kliem: ‘Mhux kollox kien bla fejda, mhux kollox intilef fix-xejn’. Hekk hu”.
Il-bidu
Id-disa’ minn tnax aħwa, Don Zeno Saltini twieled nhar it-30 t’Awwissu, 1900, f’Fossoli, Carpi, fil-provinċja ta’ Modena, fl-Italja ta’ Fuq. Il-familja tiegħu kienet waħda ta’ agrikolturi għonja. Tlieta oħra minn ħutu għażlu l-ħajja reliġjuża, fosthom oħtu Marianna, magħrufa wkoll bħala Mamma Nina. Ta’ 14-il sena, Zeno ddeċieda li jieqaf mill-istudju u beda jaħdem fl-ażjenda agrikola tal-familja, fejn intebaħ bir-realtà iebsa tal-ħaddiema, li minnhom tgħallem it-teoriji Soċjalisti.
Fl-1917, fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija, Zeno nqabad bil-lieva. Hawn fehem l-importanza tat-tagħlim tajjeb. Spiċċa jiddibatti ma’ suldat sieħbu li kien ateu u anarkiku li kien jara fil-Kristjaneżmu u fil-Knisja ostaklu għall-progress uman. Xtaq jgħidlu li l-problema kienet fl-inkoerenza ta’ ċerti Insara, imma ma rnexxilux.
Bil-ħsieb li jsir avukat, huwa ggradwa fil-Liġi mill-Università Kattolika ta’ Milan. Iżda fehem li s-sejħa vera tiegħu kienet għal saċerdot. Għalhekk studja t-teoloġija u l-filosofija u ta’ 30 sena kien ordnat qassis mill-Isqof ta’ Carpi Giovanni Pranzini, li kien hu li għaddielu l-esperjenza tiegħu fil-ħidma soċjali, u kien il-gwida spiritwali tiegħu fil-vokazzjoni saċerdotali.
Dak iż-żmien, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-Italja kien hemm ħafna faqar. Don Zeno ra b’għajnejh ir-realtà u ried jagħti sehmu biex jibdilha. Fl-1931, inħatar Viċi Kappillan tal-Knisja ta’ San Giacomo Roncole. Hawn waqqaf l-Opra tal-Appostli Żgħar (Opera dei Piccoli Apostoli) biex jiġbor l-iltiema tal-gwerra u t-tfal abbandunati u jroddilhom lura d-dinjità tagħhom ta’ bnedmin.
Irene, l-ewwel “Mamma”
Imma Don Zeno ma damx ma ntebaħ li dawn it-tfal żgħar għandhom l-istess ħtieġa kbira ta’ kull tifel u tifla oħra. Kienu jeħtieġu omm li trabbihom daqslikieku tagħha. Beda jafdahom f’idejn żgħażagħ iżjed maturi, imma ġo fih ma kienx sodisfatt. Imbagħad seħħet ġrajja li malajr urietu x’kien hemm bżonn.
Fl-1941, Irene Bertoni, tfajla ta’ 18-il sena, studenta tal-Liċeo, ħarbet mid-dar biex issir omm ta’ dawn it-tfal. U saret l-ewwel “mamma di vocazione” jiġifieri omm, mhux għax miżżewġa, imma għax imsejħa biex trabbi t-tfal ta’ ħaddieħor. Mhux kulħadd sabha ħafifa biex jaċċetta din l-idea. Seħbitha Fina, tirrakkonta hekk dwar Mamma Irene:
“Irene marret għand l-Isqof. Kienet qiegħda tibża’ li l-Isqof se jgħidilha le! U hi qaltlu: ‘Eċċellenza jiena omm ta’ dawn it-tfal’. ‘Kif? Jekk għandek 18-il sena! Dak dalwaqt ikollu sitt snin’. ‘Iva, iva, jiena l-omm, imma dħalt…’ L-isqof kien jaf x’għamlet u qalilha: ‘Mamma? Imma int taf x’jiġifieri tkun omm? Kif taf? X’qiegħda tagħmel? Għadek żgħira! Jista’ jkun hija problema hekk kbira li fl-istorja din il-biċċa xogħol mhux dejjem irnexxiet. Kif tiġi tgħid li inti ommhom?
Inħobbhom daqs li kieku kienu tiegħi
L-Isqof kien ġabha f’rokna u bdiet titwerwer li se jgħidilha le. F’ħin minnhom, meta rat li l-Isqof baqa’ jgħidilha ‘X’inti tagħmel? Kif se tagħmel? Taf x’jiġifieri? Jekk inti omm, tkun marbuta ħajtek kollha ma’ dawn it-tfal. Lesta tagħti ħajtek għalihom? Meta rat li kienet għadha ma kkonvinċitux, qamet bil-wieqfa u, b’ġest kbir b’idejha qisha qiegħda tiddeskrivi xi ħaġa kbira ħafna… ‘Insomma, Eċċellenza, jiena nħobbhom daqs li kieku kienu tiegħi, daqslikieku twieldu minni’.
‘Mur qalilha – l-Isqof se jkun mal-vokazzjoni tiegħek’. Kien jammiraha bil-bosta: ‘Jekk tifel fetaħ ħalqu u qal il-kelma mamma, mhux se jkun l-isqof li jagħlaq dawk ix-xufftejn. Din hi d-deċiżjoni tiegħi u din ġejja minn Alla u mill-Knisja.’”
Familji ġodda
Wara Irene, tfajliet oħrajn ħassew il-vokazzjoni ta’ omm u bdew irabbu l-iltiema ta’ Nomadelfia, li tinsab qrib il-belt ta’ Grosseto u li qabel kienet kamp tal-konċentrament. Wara Irene, waslu Maria Teresa, Norina, Jemina, Giselda, Elis, Enrica, Ada, Sirte, Zaira… u Anna.
U b’Anna, għarusa ta’ Nelusco, Don Zeno ikkonvinċa ruħu li kellu jinvolvi l-koppji miżżewġin żgħażagħ f’tiġdid komunitarju fuq l-eżempju tal-ewwel komunitajiet Insara. Fis-26 ta’ Diċembru 1947, Don Zeno żewweġ lil Nelusco u Anna u waqt l-istess ċelebrazzjonijiet fdalhom ħames ulied iltiema abbandunati. Biż-żmien, dawn l-ulied saru ħamsin u koppji oħra miżżewġa għamlu bħalhom.
Hekk dawn l-ulied sabu familja f’Nomadelfia, għand “le mamme di vocazione” jew fil-familji tal-koppji miżżewġa bil-kliem li Ġesù qal fuq is-salib lil ommu u lill-appostlu Ġwanni: “Mara, hawn hu ibnek. Ibni, hawn hi ommok.”
Nomadelfia
Nhar l-14 ta’ Frar, 1948, it-test tal-Kostituzzjoni ta’ din il-belt ġie ffirmat fuq l-artal tal-Knisja. Hekk, l-Opera Piccoli Apostoli saret Nomadelfia, li bil-Grieg tfisser “il-fraternità hija liġi”. Don Zeno bidel dan il-post f’komunità li l-membri tagħha jaqsmu kollox flimkien bħal fiż-żmien l-appostli.
Don Zeno ried li f’Nomadelfia jipproduċu dak kollu li jkollhom bżonn: ikel, frott, twieqi, imwejjed, kulħadd imqassam fi djar u fi ħwienet tax-xogħol u f’għelieqi. Il-flus hemm ġew ma jeżistux u lanqas il-propjetà privata. It-tagħlim tal-iskola ukoll kien jingħatalhom hemm ġew, imma mbagħad l-edukazzjoni superjuri tingħatalhom fl-iskejjel pubbliċi u meta jilħqu ċerta età jiddeċiedu huma jekk jibqgħux jgħixu f’Nomadelfia jew inkella joħorġu jgħixu għal rashom.
Iż-żmien beda għaddej, it-tfal bdew jikbru, jitgħarrsu, jiżżewġu, ikollhom it-tfal u diversi bdew anke huma jrabbu t-tfal ta’ ħaddieħor u jaddottawhom. Il-komunità waslet biex qabżet l-elf membru.
Tfaqqa’ t-tempesta
Imma x-xitan ma ħamilx. Mhux kulħadd kien ifaħħar l-opra ta’ Don Zeno fi ħdan il-Knisja u fi ħdan l-Istat. Beda jissemma d-dejn li kien qed jagħmel, beda jintefa’ d-dell fuqu.
Fl-1952, b’digriet tal-5 ta’ Frar maħruġ mis-Sant’Uffizju, Don Zeno ġie ordnat jitlaq minn Nomadelfia u l-komunità ta’ Nomadelfia ddikjarata maħlula u mxerrda. F’Novembru tal-istess sena Don Zeno u oħrajn responsabbli minn Nomadelifia sfaw imtellgħin il-Qorti, mixlijin b’qerq u dejn mhux ġustifikat. Il-kawża saret f’Bologna fil-preżenza ta’ ġurnalisti mill-gazzetti Taljani ewlenin u b’xorti tajba Don Zeno u sħabu nħelsu minn kull ħtija.
Imma Don Zeno ma kienx kuntent. It-tempesta baqgħet għaddejja u l-unika arma ta’ difiża li kellu kienet il-pinna qawwija tiegħu. Kiteb diversi ittri qawwija lill-Papa Piju XII u Ġwanni XXIII u lill-Kardinal Ottaviani. Don Zeno ma setax jissaporti li jibqa’ ’l bogħod minn dawk uliedu li sfaw imxerrdin u li wħud minnhom kienu anke xxellfu mal-pulizija u sabu rwieħhom il-ħabs.
Biex ikun jista’ jerġa’ jkun magħhom, b’għażla tiegħu, fl-1953, talab u kiseb il-permess tal-lajċizzazzjoni, jiġifieri ma jibqax jeżerċita l-ministeru ta’ qassis. Ġabarhom mill-ġdid, dam tmien snin barra mill-ministeru saċerdotali, imma fl-1962 applika u kiseb mill-ġdid l-awtorizzazzjoni li jeżerċita l-ministeru saċerdotali. Fit-22 ta’ Jannar, 1962 għamel għal darb’oħra t-tieni “l-ewwel quddiesa” tiegħu u l-isqof ħatru l-ewwel kappillan ta’ Nomadelfia.
Don Zeno miet ta’ 80 sena nhar il-15 ta’ Jannar 1981, wara li f’Awwissu ta’ qabel il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien laqa’ lilu u lill-komunità ta’ Nomadelfia f’udjenza f’Castel Gandolfo.
Papa Franġisku f’Nomadelfia
Nhar l-10 ta’ Mejju 2018, Papa Franġisku wasal Nomadelfia bil-ħelikopter minn Ruma. Kif wasal fiċ-ċimiterju ta’ Nomadelfia, wara li semmgħulu silta mit-testament spiritwali ta’ Don Zeno, il-Papa talab quddiem il-qabar ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla li erbatax-il sena ilu infetħet il-kawża ta’ beatifikazzjoni tiegħu. Papa Franġisku poġġa ġebla b’ismu fuqha, biex tkun mal-ġebliet l-oħra li poġġew l-abitanti ta’ Nomadelfia. Talab ukoll quddiem il-qabar ta’ Mamma Irene u quddiem il-qabar ta’ tarbija, l-iżgħar fost in-“Nomadelfi”.
Imbagħad il-Papa żar “Poggetto”, grupp ta’ “case-famiglia”, fejn jgħixu koppji ta’ miżżewġin li jagħmluha ta’ ġenituri għal tfal weħidhom. Hemm żar in-nukleu familjari, żar id-dar ċentrali u l-Kappella żgħira li fiha fada żewġt itfal lil żewġ familji bil-kliem “Mara, hawn hu ibnek”.
Nomadelfia llum
Nomadelfia, tmien kilometri ’l barra minn Grosseto, għandha territorju ta’ madwar erba’ kilometri kwadri li fihom jgħixu 300 abitant, fosthom 50 familja. Skont il-Liġi Kanonika, Nomadelfia hija parroċċa ffurmata minn familji u lajċi mhux miżżewġa, filwaqt li għar-Repubblika Taljana din hija assoċjazzjoni privata ta’ ċittadini.
Il-membri ta’ Nomadelfia jaħdmu fi ħdan il-komunità bla ma jitħallsu. Ix-xogħol jarawh bħala att gratwit ta’ mħabba u bħala responsabbiltà kondiviża. Il-propjetà hija kollettiva, u dak li tipposjedi jkun biss biex tista’ tgħix ħajja dinjituża.
Il-familji ta’ Nomadelfia jgħixu fi “gruppi familjari” magħmula minn erba’ jew ħames familji, b’20 sa 35 ruħ f’kull grupp. Issir Nomadelfo wara perjodu ta’ prova ta’ mill-inqas tliet snin. Din ir-regola tgħodd ukoll għat-tfal imwielda jew milqugħa fil-komunità, li hekk kif jagħlqu 18-il sena, ikunu liberi jagħmlu l-għażliet tagħhom. L-ulied li jħallu l-komunità jiġu megħjuna jidħlu fid-dinja tax-xogħol u tas-soċjetà, u xorta jibqgħu magħqudin mal-familji tagħhom.
Xi ħaġa iktar
L-awtriċi Anna Maria Ortese qalet dwar Don Zeno: “Ma kienx qassis, imma xi ħaġa iktar. Ma kienx politiku, minkejja li attakka daqstant bil-miftuħ fatti u persuni fil-gvern; lanqas ma kien diplomatiku, għax kien tilef kollox. Lanqas edukatur għax is-sempliċità raffa tiegħu ma kinitx tħallih. Konna nistaqsu lil min kien jixbah, min kien fir-realtà dan ir-raġel tajjeb, leali, impulsiv, mimli mħabba appassjonata għal familja tant differenti minnu: persuna ħajja, ġeneruża, tenera, moħħha mimli ħolm… imma jibqa’ diffiċli tiddefinih”.
Robert Aloisio
Membru