Il-Ġimgħa Mqaddsa hi l-qofol tal-attività liturġika li matulha l-Insara jgħixu mill-ġdid il-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Matul din il-ġimgħa jsiru ħafna manifestazzjonijiet ta’ reliġjożità popolari, bħalma huma l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-Perù mhux nieqes minn dan. Ħafna tradizzjonijiet li ġabu l-Ispanjoli baqgħu fil-Perù sa żminijietna.
L-iktar post marbut mal-Ġimgħa Mqaddsa hu l-belt ta’ Ayacucho, li tinsab fl-Andes, f’għoli ta’ madwar 2,500 metru. Hawn il-Ġimgħa Mqaddsa tiġi ċċelebrata bil-kbir. It-tradizzjoni bdiet fi żmien li l-Ispanjoli kienu jaħkmu l-Perù. Imbagħad maż-żmien tħalltet ma’ drawwiet tal-Andes. Fl-2022 din il-ġimgħa speċjali f’Ayacucho ġiet iddikjarata patrimonju nazzjonali kulturali mill-Ministeru tal-Kultura.
Il-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa jibda bil-purċissjoni tal-Imsallab f’jum id-Duluri, ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Imbagħad ikompli bil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm, li fiha, in-nies tagħmel slaleb żgħar mill-weraq tal-palm.
L-Erbgħa ssir il-purċissjoni tan-Nazzarenu mill-Knisja ta’ Santa Klara. Il-Ħamis viżta tal-altari tar-ripożizzjoni f’forma ta’ purċissjoni. Nhar il-Ġimgha l-Kbira ssir il-purċissjoni bix-xbihat ta’ Ġesù marbut mal-kolonna, dik ta’ Kristu mgħobbi bis-salib, dik tal-imsallab, Ġesù mejjet u l-Madonna tas-solitudni (qisu l-istess idea bħad-Duluri). Nhar Ħadd il-Għid filgħodu kmieni ssir il-purċissjoni ta’ Ġesù rxoxt li toħroġ mill-Katidral.
Tajjeb insemmu li l-Peruvjani jgħixu t-tieni Randan tagħhom fix-xahar t’Ottubru meta jigi ċċelebrat is-Señor de los Milagros (is-Sinjur tal-Mirakli), xbieha ta’ Kristu msallab li tpittret fuq ħajt dgħajjef (bħal tas-sejjieħ) minn skjav Afrikan u li baqgħet wieqfa anke wara żewġ terremoti qawwija li laqtu l-belt ta’ Lima. Matul dan ix-xahar jiddomina l-kulur vjola. Dan hu parti mill-identità kulturali tal-pajjiż.
Alejandro Huapaya Infante
Kandidat (Perù)