Biex jitfakkar is-60 anniversarju mill-mewt tal-Fundatur fis-26 ta’ Lulju 2022, l-Assistent Ekkleżjastiku Dun Kevin Schembri ċċelebra Quddiesa fid-dar fejn miet San Ġorġ Preca. Membri tal-Amministrazzjoni kienu preżenti.
Barra minn hekk, ġew organizzati żewġ pellegrinaġġi mill-Oqsma tal-Fgura u Ħaż-Żabbar fil-25 u s-26 ta’ Lulju rispettivament. Dawn kienu jinkludu Quddiesa fil-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża u taħdita dwar il-Fundatur. Il-pellegrini kellhom ukoll ħin biex jitolbu u jżuru l-Librerija Preca.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Kappella ġew estiżi u diversi membri, kandidati, u devoti, qattgħu ħin jitolbu fis-skiet quddiem il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca.
Membri rġiel u nisa u Kandidati nġabru nhar l-Erbgħa 27 ta’ Lulju għal Laqgħa Ġenerali ċelebratorja li saret fl-Iskola St Michael. It-tema tal-laqgħa kienet ‘… li nsiru qaddisin…’. Kien jinkludi talb, innijiet, qari tar-rakkont tal-mewt tal-Fundatur, u recording tal-predikazzjoni ta’ San Ġorġ Preca. Qasmu riflessjonijiet tagħhom Jonathan Cardona, is-Superjur Ġenerali u l-Assistent Ekkleżjastiku.