L-Iskola St Michael, skola mmexxija mis-Soċjetà tal-Museum, f’Novembru 2021 għalqet 75 sena mit-twaqqif tagħha. Għal din l-okkażjoni, Pubblikazzjonijiet Preca ħarġu ktieb riċerkat minni bl-isem L-Iskola St Michael – L-Għaxqa ta’ San Ġorġ Preca, ktieb b’ħafna informazzjoni ġdida li l-awtur Robert Aloisio, għalliem fl-istess skola, irnexxielu jsib u li għandu jsib postu fil-librerija ta’ kull min għandu għal qalbu l-edukazzjoni u lil San Ġorġ Preca għax din l-Iskola kienet tassew l-għaxqa ta’ Dun Ġorġ u dal-ktieb jurina għalfejn. Il-ktieb kien imniedi nhar it-18 ta’ Mejju 2022 mas-soċji tal-Museum u xi mistidnin u mbagħad jumejn wara mal-pubbliku inġenerali fl-Iskola stess.
“L-Għaxqa ta’ Qalbi”
Ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Toni Agius (1907-1989), soċju tal-Museum u engine-fitter, kien ħalla x-xogħol sikur li kellu fit-Tarzna biex jiftaħ skola ġdida. Hu u tliet soċji oħra tal-Museum, apprentisti fit-Tarzna, issagrifikaw kollox biex jidħlu għal avventura sabiħa li bħal kull ħaġa ġdida oħra triqitha ma kinitx nieqsa mix-xewk. Bħall-Fundatur tal-Museum, Agius sab min ma fehmux u oħrajn kellhom il-biżgħat raġonevoli tagħhom. Imma San Ġorġ Preca bierek b’idejh it-tnejn lil Agius u l-opra ġdida li Alla kien se jibda permezz tiegħu. Iktar tard Dun Ġorġ sejjaħ lill-Iskola St Michael “l-għaxqa ta’ qalbi” u kienet l-hena tiegħu jżur l-Iskola, jitkellem mal-istudenti u l-għalliema u jqaddsilhom.
Toni Agius kien isejjaħ lill-Iskola St Michael “special school” għax hu ma riedx sempliċiment jagħmel skola oħra. Dak iż-żmien f’Malta diġà kien hawn numru mhux ħażin ta’ skejjel u kulleġġi. Imma Agius kien ra kemm żgħażagħ kienu qegħdin jitħarbtu fuq il-postijiet tax-xogħol bl-eżempji ħżiena li jaraw, u kemm l-iskejjel ma kinux qed jagħmlu biżżejjed biex jikkumbattu dan it-taħsir. U quddiem dan kollu ma setax jibqa’ b’idejh fuq żaqqu. L-ispirtu altruwista u missjunarju li kien nissel fih San Ġorġ Preca bħala soċju tal-Museum ma setax iħallih indifferenti.
Frott is-Sagrifiċċju
F’messaġġ li l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna bagħat lill-awtur għall-ktieb huwa kiteb hekk: “Bħala saċerdot żagħżugħ jiena kelli l-opportunità nqaddes l-Ewkaristija mal-istudenti tal-Iskola St Michael. Għalija kienet esperjenza sabiħa li niltaqa’ ma’ diversi studenti u għalliema f’ambjent fejn kont nista’ ninnota li l-edukazzjoni hi wkoll formazzjoni ta’ valuri qawwija Nsara.”
“L-Iskola St Michael hija monument għad-dedikazzjoni tal-membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, imma hija wkoll frott is-sagrifiċċji ta’ ħafna ġenituri, familji u lajċi ddedikati. Matul iż-żmien stajt nara l-iżvilupp feliċi tal-Iskola: minn ambjent modest għal ambjent iżjed modern u adattat għall-esiġenzi tal-lum.”
“Nawgura li l-Iskola St Michael tkompli tagħti servizz lil pajjiżna fil-qasam tal-edukazzjoni u tnissel fl-istudenti u l-għalliema, il-persważjoni tal-kliem li tant kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca: ‘It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid’.”
Kontribut lis-Soċjetà Maltija
Is-Sur Raymond D’Amato li għamel iktar minn tletin sena Kap tal-Iskola kitieb hekk fid-Daħla tal-ktieb: “Minn qalbi nirringrazzja lis-Sur Robert Aloisio, għalliem tagħna u awtur ta’ dan il-ktieb voluminuż, mhux biss għar-riċerka bir-reqqa li għamel biex jagħtina l-istorja tal-Iskola għażiża tagħna, imma wkoll għall-impenn tiegħu biex jagħtina l-viżjoni, l-imħabba u d-dedikazzjoni tal-ħidma tal-membri tal-istaff tal-Iskola tagħna tul dawn is-snin kollha.
Inti li ġie f’idejk dan il-ktieb, filwaqt li taqrah, apprezza l-kontribut li tat l-Iskola lis-Soċjetà Maltija anki fi żminijiet diffiċli. Jekk inti wieħed jew waħda minn dawk li f’dawn il-75 sena kellek ix-xorti li tkun parti mill-Iskola tagħna, aqsam mal-oħrajn dak li rċevejt. Nawguraw futur sabiħ lill-Iskola St Michael biex fi kliem San Ġorġ Preca, din “titla’ bil-barka tiegħek u joħroġ ġid spiritwali u temporali, u kull min jidħol fiha jkun oġġett tal-ħniena tiegħek.”
Memorja Storika
Fi kliem l-awtur, “Dan il-ktieb ridt niktbu biex meta jiġu nieqsa dawk li jiftakru sew lis-Sur Toni Agius ikun baqagħlna memorja storika tal-ġrajjiet li wasslu għat-twaqqif tal-Iskola St Michael u tal-ispirtu li anima lill-għalliema tal-bidu. Dan il-ktieb ktibtu biex ma ninsewx minn fejn tlaqna ħalli jkun ċar quddiem għajnejna fejn irridu naslu. Skola mhijiex intrapriża biex tagħmel il-flus imma familja oħra għat-tfal u ż-żgħażagħ fejn jiġu ffurmati fil-valuri tas-sewwa. Hekk riedha Agius u hekk riedha San Ġorġ Preca.”
“Nirringrazzja lil kull min ikkopera miegħi biex stajt inwassal fit-tmiem dan il-proġett. Għalkemm pruvajt nintervista firxa wiesgħa ta’ persuni li b’mod jew ieħor ġew f’kuntatt mal-Iskola, niskuża ruħi ma’ oħrajn li stajt ħallejt barra. Kull min, għal żmien twil jew qasir, ta kontribut lill-Iskola għandu mertu quddiem Alla li mhux se nżidulu jew innaqqasulu jien b’din il-kitba tiegħi. Jalla dal-ktieb iservi biex niskopru mill-ġdid il-valuri li sawru lil ta’ qabilna, fuq kollox l-impenn tagħhom biex jagħmlu l-ġid lil għajrhom u b’hekk jagħtu glorja lil Alla.”
Aħna u nħarsu lura lejn il-75 sena li għaddew, il-komunità tal-Iskola tagħna tħares bi gratitudni lejn dan il-vjaġġ edukattiv twil mhux ħażin. Aħna u nħarsu ’l quddiem, infittxu li nagħmlu li nistgħu bl-opportunitajiet li joffrilna l-ġejjieni. Iżda fuq kollox, ngħożżu l-preżent bħala mument uniku għall-membri tagħna biex inkomplu nikbru flimkien b’mod sabiħ bħala komunità. Fuq kollox, grazzi lis-Sinjur Alla li għoġbu jinqeda bina fl-opra tiegħu tat-tagħlim.