Għal min ma jkunx midħla tagħha tista’ tkun xena stramba li tidħol fi knisja u ssib numru ta’ persuni qishom jistennew xi ħaġa fis-skiet. Ħafna drabi l-knisja tkun bil-kemm mixgħula, u l-persuni jkunu mxerrda tista’ tgħid mal-knisja kollha. L-unika ħaġa li tispikka hija l-espożizzjoni tas-Sagrament fuq l-artal. Il-bqija skiet kbir u ġabra. Tista’ tidher stramba iktar meta wara siegħa tara dawn il-persuni ħerġin f’daqqa waħda mingħajr ma jkun beda xejn partikulari.
Din hi x-xena li tidħol fiha kull darba li f’xi knisja tkun għaddejja Adorazzjoni, forma ta’ talb importanti ħafna fittradizzjoni Kattolika. L-iskop tagħha mhux tant it-talb li jingħad, jew li nitolbu flimkien imma li noqogħdu fil-preżenza tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu biex jimliena bl-ispirtu tiegħu.
Il-ħin ta’ siegħa hu importanti għax hekk kif tibda, moħħna jkun mimli b’kull xorta ta’ affarijiet, u allura mhux ħaġa kbira li għall-ewwel issib ruħek titkellem mal-Mulej fuqek innifsek u dak li jħassbek u jinkwetak. Imma mbagħad, wara li tkun semmejt kollox, nibdew nidħlu fl-ispirtu tas-skiet u l-moħħ jikkalma. Hawn inkunu lħaqna l-iskop tal-Adorazzjoni, għax kif jgħid Santu Wistin, qalbna ma ssibx kwiet jekk ma tistrieħx fih. Biex minn ħin għall-ieħor tiffoka l-attenzjoni tiegħek fil-preżenza ta’ Alla tista’ tirrepeti bil-mod ġakulatorja bħal “Ejja Mulej Ġesù” jew “Ġesù, jien nafda fik.” Kemm tkun ħaġa sabiħa li aktar nies jiskopru l-qawwa tal-Adorazzjoni u nsibu siegħa fil-ġimgħa mimlija tagħna biex noqogħdu fis-skiet mas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu.