Fit-tempju ta’ Salamun kien hemm żewġ artali. Fuq l-artal ta’ barra kienu joffru ’l Alla l-bhejjem bħala sagrifiċċji, u fuq l-artal ta’ ġewwa kienu joffru fwejjaħ u inċensi. In-nisrani huwa wkoll tempju, tempju ħaj tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor 3, 16). Bħat-Tempju ta’ Salamun, in-nisrani għandu joffri lilu nnifsu ’l Alla, kemm minn barra, kif ukoll minn ġewwa. Il-ħajja tan-nisrani għandha tkun penitenza bla ma taqta’.
Il-penitenza hija ħaġa iebsa, iżda meħtieġa. Ġesù Kristu, il-ħaruf bla tebgħa, tela’ fil-glorja wara t-tbatija. Issa la l-qaddej mhux akbar minn Sidu, wisq aktar immela ma nistgħux nidħlu l-ġenna mingħajr penitenza. Fuq l-eżempju tal-Imgħallem Divin li lanqas ma kellu fejn imidd rasu, il-qaddisin kollha kemm huma għamlu penitenzi kbar u mhux biss nies li qabel kienu ħżiena bħal Madalena, u Santu Wistin, u San Glormu, u tant oħrajn. Iżda qaddisin innoċentissmi bħal San Alwiġi, San Pietru d’Alkantara, u tant oħrajn. Għalhekk iwissina Santu Wistin: “Agħmel penitenza għax dnibt u penitenza biex ma tidnibx”.
Il-Knisja Kattolika tħeġġiġna nagħmlu penitenza b’mod speċjali fir-Randan. Ma nibżgħux mill-penitenzi għax niftakru li permezz tagħhom aħna nistgħu npattu ftit tan-nuqqasijiet tagħna biex jirnexxielna ngawdu l-glorja ta’ dejjem. Agħżel li tikkontrolla għajnejk u l-kliem żejjed, jew iċċaħħad xi ftit minn dak li jogħġbok! Aċċetta s-slaleb ta’ kuljum u naqqas il-garr.
Jaqblilna li niċċaħdu issa biex bi tbatija żgħira neħilsu mit-tbatija kbira. Il-penitenza rrikkmanda wkoll il-Madonna ġo Lourdes u Fatima għall-konverżjoni tal-midinbin. Lkoll dnibna, mela nagħmlu penitenza. Għax jekk mhux innoċenza, allura penitenza.