Fid-9 ta’ Novembru l-Knisja Kattolika tiċċelebra d-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran, il-katidral tal-Papa fil-belt ta’ Ruma. Essenzjalment hi l-festa tal-bini tal-knisja u jista’ jkun li hi data tajba li fiha tiċċelebra wkoll il-festa tad-dar tiegħek, għax meta l-Knisja tiċċelebra d-dedikazzjoni ta’ knisja, fost l-oħrajn hija tfakkira li fil-qalba tagħha, knisja hija dar, u l-bniedem għandu tassew bżonn ta’ dar.
Il-bażilika tal-Lateran hi ddedikata lil San Ġwann Battista u lil San Ġwann Evanġelista, imma l-isem li biha nafuha hija dik tal-familja Laterani, li qabel il-bini ta’ din il-bażilika fuq dik l-art kellhom il-palazz tal-familja, id-dar tagħhom. Imma din ma kinitx ħaġa ġdida. Jekk immorru lura għall-ewwel snin, l-ewwel knejjes ma kienu xejn ħlief id-djar tal-Insara nfushom. F’dinja mmexxija minn valuri tant differenti, l-Insara kienu jiltaqgħu f’waħda mid-djar tagħhom biex jaqsmu l-fidi tagħhom u jsostnu lil xulxin.
Matul is-snin bdew jibnew binjiet apposta li nsejħulhom knejjes, imma dan ma jfissirx li djarna m’għandhomx ukoll ikunu santwarji żgħar biex wara ġurnata twila f’dinja mimlija storbju nsibu post kwiet fejn niltaqgħu ma’ Alla.