Mela darba, kien hemm ġuvni li kien miexi fid-deżert ma’ Ġesù. Lil Ġesù ma kienx jarah imma kien induna bil-preżenza tiegħu minħabba li fir-ramel kien jara żewġ pari ta’ passi, tiegħu stess u ta’ Ġesù. Darba minnhom f’ġurnata qalila b’xemx tiżreġ, wara li kien ilu miexi ħafna, beda jaqta’ qalbu jekk ikomplix il-vjaġġ jew le. Malli waqaf, induna li l-passi ta’ Ġesù ma kinux għadhom hemm ħdejh. U l-ġuvni b’ċertu rabja qal: “Għala Ġesù? Tlaqtni fl-iktar mumenti diffiċli, meta l-iktar li għandi bżonnok maġenbi.” Imma Ġesù mhux talli ma kienx hemm ħdejh fil-mumenti t-tqal, talli kien Hu li kien qed jerfgħu.
Tajjeb li wieħed itenni f’qalbu is-sentenza: Is-Sinjur Ġesu Kristu magħna. Din verament tfakkarna fil-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna, għax Alla kien magħna, għadu magħna u jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien.
Li wieħed jagħraf il-preżenza ta’ Alla f’ħajtu mhix ħaġa faċli u wieħed jeħtieġ li jaħdem fuqha bħala parti mill-mixja spiritwali tiegħu. Nissuġerixxi, eżerċizzju ħafif li jista’ jkompli jgħinna nagħrfu li Alla hu preżenti f’ħajjitna. Dan l-eżerċizzju huwa bbażat fuq żewġ mistoqsijiet:
Fejn iltqajt ma’ Ġesù llum?
Fejn tlift lil Ġesù llum?
Staqsi dawn il-mistoqsijiet kull jum u tkun sorpriż kemm aktar tagħraf il-preżenza ta’ Alla miegħek. Jista’ jgħinek li żżomm nota u tikteb dawk il-mumenti li tkun rajt fihom l-id ta’ Alla f’ħajtek. Meta tkun f’mumenti li tibda taqta’ qalbek, titqawwa billi terġa’ tiftakar fil-mumenti li ħassejtek fil-preżenza t’Alla. Jalla dawn il-jiem tal-Avvent ikunu jiem fejn aħna nikbru aktar fl-għaqda tagħna ma’ Alla u narawh aktar jaħdem fina u bina.
Hayden Diacono
Kandidat