Darba waħda raġel sinjur ħafna ddeċieda li jagħmel opra tajba billi jagħti elf rublu tad-deheb lill-foqra. Billi ma kienx jaf kif se jqassam issomma mar għand il-qassis tar-raħal.
Imma meta ra daqshekk flus, il-qassis ħassu mħawwad. “Somma kbira”, qallu, “u nibża’ li ma nafx kif se nqassamha b’ġustizzja. Tista’ tissuġġerili lil min nista’ nagħtihom dawn ir-rubli kollha”?
Is-sinjur ħaseb ftit u wieġeb. “Il-Mulej żgur jaf imexxik f’din l-opra. Agħtiha lill-ewwel fqir li jħabbat il-bieb tiegħek”. Mela fl-istess raħal kien hemm raġel fqir ħafna, marid, b’ħafna wlied u diżgrazzji.
Minkejja dan kollu, il-fiduċja fil-providenza ta’ Alla qatt ma naqsitu. F’jum ta’ xorti ħażina iktar mis-soltu waqt li kien qed jaqra mill-ktieb tas-Salmi waqgħu taħt għajnejh dawn il-kliem: “Kont żagħżugħ u issa xjaħt u qatt ma rajt bniedem tajjeb abbandunat u lanqas lil uliedu jittalbu l-ħobż”.
“Dawn il-kliem mhumiex veri, m’hemmx dubju, għax jien li qatt m’għamilt ħsara lil ħadd ġejt minsi minn Alla u wliedi kienu mġiegħla jittallbu”. Hekk qal l-imsejken raġel, mistagħġeb kif din il-frażi setgħet tinstab fi ktieb sagru. Iddeċieda li jmur għand il-qassis u jistaqsih x’kienu jfissru dawn il-kliem. Kif wasal għand il-qassis, dan ġie fuqu u tah l-elf biċċa tad-deheb. Kien hu l-ewwel fqir li ħabbat fuq il-bieb. Vers mill-Bibbja kien ta’ xorti tajba għal dan il-fqir.