X’tgħallem il-Knisja dwar l-ispirazzjoni tal-Bibbja? Se nkunu qed nesploraw x’tifhem il-Knisja meta tgħid li l-Bibbja hija ispirata, u xi tfisser il-frażi “il-Kelma t’Alla,” u kif l-awturi tal-Iskrittura jidħlu f’din l-istampa.
Ejjew nibdew billi naraw x’infissru meta ngħidu li l-Bibbja hija ispirata. Il-knisja Kattolika tgħallem lil-messaġġ tal-Bibbja kien ispirat mill-Ispirtu s-Santu.
Dan iffisser li l-Ispirtu s-Santu ħadem ma’ dawk li kitbu l-Iskrittura, billi ggwidahom biex jiktbu dak li Alla ried jirrivelalna.
Immaġina persuna tiela’ t-taraġ. Iktar ma jitla’, iktar jista’ jikseb veduta aħjar mil-livelli ta’ fuq. L-ispirazzjoni t’Alla fil-Bibbja taħdem b’mod simili. Pass wara pass, Alla wera lilu nnifsu u għamel magħruf il-pjan tat-tjubija tiegħu, pjan li jilħaq il-qofol tiegħu fil-persuna u l-missjoni ta’ Ibnu Ġesù Kristu.
Din it-tifsira tal-ispirazzjoni hija riflessa fid-“Dei Verbum,” il-Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina tal-Konċilju Vatikan II. Dan id-dokument jenfasizza r-rwoli essenzjali tat-Tradizzjoni tal-Knisja u tal-Iskrittura Mqaddsa fit-tfittxija tal-bniedem għall-verità u għas-salvazzjoni.
Kunċett ieħor relatat mal-ispirazzjoni huwa l-idea tal-Kelma t’Alla. Il-Knisja Kattolika tgħallem li l-Bibbja mhix biss ktieb uman, iżda hija ktieb ispirat minn Alla. Dan ifisser li l-kliem tal-Bibbja mhumiex biss kliem ta’ bniedem, imma kliem li ġej minn Alla.
Huwa għalhekk li l-Knisja tgħallem li l-Bibbja hija bla żball f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ fidi u morali. Meta l-Bibbja titkellem dwar kwistjonijiet ta’fidi u morali, hija kompletament affidabbli, għaliex hija ispirata mill-Ispirtu s-Santu.
Kif nafu, il-Bibbja nkitbet mill-bnedmin, u dan iqajjem xi mistoqsijiet importanti dwar kif l-awturi umani jidħlu f’din l-istampa tal-ispirazzjoni.
Il-Knisja Kattolika tgħallem li l-Ispirtu s-Santu ħadem permezz ta’ dawn l-awturi umani, billi uża d-doni, il-personalitajiet u l-istili ta’ kitba uniċi tagħhom biex iwassal il-messaġġ ta’ Alla.
Fl-istess ħin, il-Knisja tagħraf li l-awturi umani ma kinux perfetti, u li kitbu fil-kuntest kulturali u storiku ta’ żmienhom. Dan ifisser li rridu noqogħdu attenti meta ninterpretaw l-Iskrittura, u li rridu nikkunsidraw il-kuntest storiku u kulturali ta’ kull ktieb.
Fil-prattika, dan xi jfisser? Ejja nħarsu lejn ftit eżempji ta’ kif il-Knisja Kattolika tispjega l-ispirazzjoni tal-Bibbja mill-Ispirtu s-Santu.
Nieħdu bħala eżempju l-ħolqien tad-dinja u l-ewwel bnedmin. Mir-riċerki xjentifiċi nafu li d-dinja ma nħolqitx f’sitt ijiem, imma l-ispirazzjoni tas-silta hija li Alla ħalaq u jsostni kollox. Alla ħalaq il-bnedmin bħala raġel u mara, kumplimentari għal xulxin.
Fil-ktieb tal-Eżodu Alla talab lil Mosè biex jagħmel serp tal-bronż u jqiegħdu fuq arblu biex kull min iħares lejh ikun imfejjaq mill-effetti tal-velenu. Iktar tard, fid-dawl tat-Testment il-Ġdid, dan deher bħala xbieha tas-salvazzjoni tagħna permezz ta’ Kristu fuq is-Salib.
Fil-qosor, il-Knisja Kattolika tgħallem li l-Bibbja hija ispirata mill-Ispirtu s-Santu, u li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla. L-awturi umani tal-Iskrittura kitbu taħt il-gwida u d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu, billi użaw id-doni u l-istili ta’ kitba uniċi tagħhom biex iwasslu l-messaġġ t’Alla. L-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa hija proċess delikat li jrid isir bir-reqqa, u dejjem b’konsiderazzjoni tal-kuntest storiku u kulturali ta’ kull ktieb fil-Bibbja.