“Illejla, il-bieb tat-tama nfetaħ beraħ għad-dinja.” Hekk qal il-Papa Franġisku fl-omelija tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Lejlet il-Milied. Ftit tal-ħin qabel, il- Papa kien għadu kif fetaħ il-Bieb tal-Ġublew tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan bħala bidu għal sena speċjali ffukata fuq il-virtù qaddisa tat-tama.
Matul din is-Sena tal-Ġublew, Papa Franġisku jrid li kull Nisrani jerġa’ jiskopri l-qawwa tar-rigal il-kbir tat-tama f’Alla. Il-Papa assigura: “It-tama mhix mejta; it-tama hija ħajja u tħaddan il-ħajjiet tagħna għal dejjem. It-tama ma tiddiżappuntax!” “Illejla, Alla qed ikellem lil kull wieħed u waħda minna u jgħid: ‘Hemm tama għalik ukoll!’ Hemm tama għalina lkoll. U tinsewx, ħuti, li Alla jaħfer kollox, Alla jaħfer dejjem.”
Hawn il-Papa jsejħilna biex nitgħallmu mir-ragħajja ta’ Betlem, li għall-aħbar tal-anġlu telqu minnufih iħaffu biex jaraw. Bl-istess mod, il-Papa jgħidilna li kull Nisrani huwa msejjaħ biex bil-ħeffa jirkupra t-tama li tilef, iġedded it-tama f’qalbu u mbagħad jiżra’ ż-żerriegħa tat-tama kull fejn ikun. “Hawn tant deżolament fi żmienna. Naħsbu fi gwerer, fi tfal li jisparaw fuqhom, bombi fuq skejjel u sptarijiet. Iddumux, toqogħdux lura, imma ħallukom titmexxew mill-Aħbar it-Tajba.”
Papa Franġisku kompla: “Aħwa, dan hu l-Ġublew. Dan huwa l-istaġun tat-tama li fih aħna mistiedna niskopru mill-ġdid il-ferħ li niltaqgħu mal-Mulej. Il-Ġublew isejħilna għat-tiġdid spiritwali u jimpenjana biex nibdlu għall-aħjar id-dinja tagħna, biex din is-sena tkun tassew żmien ta’ ġubilazzjoni.”
Hawn il-Papa ma jomgħodx wisq il-kliem u jgħidilna li għandna biċċa xogħol kbira quddiemna. “Ilkoll kemm aħna rċevejna d-don u l-impenn li nwasslu t-tama kull fejn din intilfet, fejn il-ħajja tkissret, il-wegħdiet ma ġewx miżmuma, il-ħolm tfarrak u l-qlub ġew maħkuma mid-diffikultajiet.”
“Għeżież ħuti, il-bieb qaddis ta’ qalb Alla jinsab miftuħ quddiemek. Ġesù, Alla-magħna, twieled għalik, għalija, għalina, għal kull raġel u mara. U la tinsewx li miegħu, il-ferħ jiffjorixxi; miegħu, il-ħajja tinbidel; miegħu, it-tama ma tiddiżappuntax.”