Sinjur Ġesù, kif jista’ jkun li r-ruħ li tagħraf lilek ma taħsibx fik bin-nhar u bil-lejl? Kif jista’ jkun li ma jaħsibx f’min iħobb il-bniedem li tassew ikun iħobb, meta inti l-oġġett waħdieni tal-qalb?
Immela jiena naħseb fik, u l-ħsieb tiegħi jeħel faċilment u malajr mad-Divinità tiegħek, għaliex inti l-bniedem waħdek predestinat Iben t’Alla veru u ħaj; Inti Alla minn Alla, dawl minn dawl; Inti Alla veru minn Alla veru, u għal dan il-ħsieb ir-ruħ tiegħi titpaxxa bik xħin b’fidi vera u b’fidi qawwija u ferma r-ruħ tiegħi temmen li inti tista’ kollox u kont minn dejjem u tibqa’ għal dejjem, infinit, ma titbiddilx, kollok tjubija, kollok sapjenza, kollok verità, kollok ħajja, kollok ħniena, kollok ġustizzja.
Sinjur Ġesù Kristu, naħseb fik, inġibek quddiem għajnejja għall-mejda mat-tnax-l appostlu tiegħek twaqqaf is-Santissmu Sagrament ta’ l-Artal, u r-ruħ tiegħi tixxennaq il-ħin kollu li tgawdik tassew, realment u sustanzjalment, permezz ta’ dan is-Sagrament.
Sinjur Ġesù Kristu, naħseb fik, inġibek quddiem għajnejja fl-Ort tal-Ġetsemani mxarrab fl-għaraq tad-demm, u r-ruħ tiegħi tagħraf il-kruha tad-dnub li huwa l-uniku għadu tal-volontà tiegħek.
Sinjur Ġesù Kristu, naħseb fik, inġibek quddiem għajnejja minxur fuq is-salib bejn żewġ ħallelin, u r-ruħ tiegħi titqawwa għall-paċenzja u tapprezza t-tbatijiet.
Naħseb fik, għax ma nistax ma naħsibx fik, billi kollox jerfagħni fik.
Jekk nara lil min iħenn, naħseb fik u ngħid ġo qalbi: kemm iżjed tħenn int li ħlaqtu!
Jekk nara lil min hu ħelu u manswet, naħseb fik u ngħid f’qalbi: kemm iżjed ħelu u manswet inti li ħlaqtu!
Jekk nara lil min hu ġust, naħseb fik u ngħid f’qalbi: kemm iżjed ġust inti int li ħlaqtu!
Il-bniedem huwa dak stess li jaħseb: infatti jgħid Santu Wistin li jekk wieħed jaħseb fuq ħwejjeġ ta’ din l-art, dan huwa art, u jekk jaħseb fuq ħwejjeġ tas-sema, huwa bniedem tas-sema, huwa bniedem spiritwali, huwa bniedem ta’ Alla.
Immela skont l-oġġett tal-ħsieb, hekk ukoll huwa l-bniedem. Dak li jħobb il-bniedem, dak huwa l-oġġett tal-ħsieb tiegħu, dak huwa Alla ta’ qalbu.“Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm hija qalbek.”
Kif immela jista’ jkun li wieħed ma jilbisx lil Kristu min fih jaħseb bin-nhar u bil-lejl?
Il-Kreatur tagħna kkmandana li nħobbuh bil-ħsieb kollu tagħna: immela nżommu dejjem il-preżenza tiegħu fil-ħsieb tagħna u nagħmlu kollox għall-glorja tiegħu, biex nogħġbuh, u b’attenzjoni fuqna nfusna għal-liġi tiegħu.