Fil-bidu ta’ sena ġdida, ngħidu grazzi lill-Mulej għal dak kollu li rċevejna mill-ħniena u t-tjubija tiegħu matul is-sena li għaddiet u nitlobuh iżommna f’idejh fix-xhur li ġejjin tas-sena 2024. X’jipproponilna San Ġorġ Preca jekk nitolbuh ftit suġġerimenti dwar kif nistgħu ngħixu ħajja tajba mimlija ferħ u paċi. F’dan l-artiklu, se nissuġerixxu għaxar pariri utli ispirati mit-tagħlim u l-kitbiet ta’ San Ġorġ Preca li nistgħu napplikawhom għax-xhur li ġejjin.
Għix Ħajja ta’ Virtù:
San Ġorġ Preca emfasizza l-importanza li nikkultivaw il-virtù fil-ħajja ta’ kuljum, għax hija l-virtù li tagħti l-ħajja lill-għemejjel tagħna quddiem Alla. Billi nipprattikaw drawwiet tajbin, bħall-onestà, il-ġentilezza, il-maħfra u l-umiltà, aħna nsiru nixbħu aktar lil Kristu, u għalhekk, ninbidlu f’dak li aħna ġej maħluqa fuq xbiha tiegħu. Żomm f’moħħok li l-virtù takkwista ftit ftit.
Ikkultiva Ħajja Spiritwali b’Saħħitha:
Bażi spiritwali qawwija hija kruċjali għall-paċi intern tagħna. It-talb ta’ kuljum, ir-riflessjoni u l-fidi jipprovdu għodda u gwida biex wieħed ikompli miexi quddiem l-isfidi tal-ħajja bi skop u fil-paċi. Barra minn hekk, San Ġorġ Preca sostna li ħajja spiritwali b’saħħitha tgħinna nevitaw id-dnub, l-uniku kawża tar-rovina ta’ ruħna.
Aqdi lill-Oħrajn Diżinteressament:
Aqdi lill-oħrajn mingħajr ma tistenna xejn lura. B’atti bħal dawn mhux biss jibbenefikaw dawk li għandhom bżonn, iżda jnissel f’min jagħti sens profond ta’ ferħ u sodisfazzjon. Itlob lil Alla kuljum il-grazzja li ma tirrifjuta xejn lil kull min hu fil-bżonn tal-għajnuna tiegħek!
Uri Sens ta’ Gratitudni:
San Ġorġ Preca jinkoraġġina li nkabbru fina s-sens ta’ gratitudni għal dak kollu li nirċievu fil-ħajja. Ta’ min ifaħħar il-prattika li wieħed, filgħodu malli jqum, joffri lil Alla l-ħsibijiet, l-azzjonijiet u t-tbatijiet li jkun se jġarrab matul il-ġurnata. Permezz ta’ din l-offerta, aħna nagħrfu lil Alla bħala l-Ħallieq u l-Mulej tagħna, u nirringrazzjawh għall-grazzji li jipprovdilna.
Ibni Relazzjonijiet Tajba:
Li wieħed jiżviluppa relazzjonijiet tajba huwa essenzjali. Jekk infittxu kumpanija ta’ nies tajba aħna nsiu tajba wkoll; jekk nagħmluha mal-qaddisin aħna nsiru qaddisin ukoll; jekk infittxu kumpanija ħażina aħna nsiru, qabel ma nindunaw, ħżiena wkoll. Huwa importanissimu li wieħed ifittex kumpanija ta’ ħbieb tajba u qaddisa għall-għajnuna, għall-komfort u għall-vantaġġ.
Ħobb is-Sempliċità:
Evita l-kumplikazjonijiet u l-inkwiet u għix ħajja sempliċi u modesta. Meta wieħed jinħall mill-affarijiet materjali u jgħożż is-sempliċità, wieħed isib il-ferħ f’dak li huwa bażiku u essenjzjali. Evita d-distrazzjonijiet li ma jħallukx tgħix fil-paċi. Żomm f’moħħok li Ġesù ħaddan miegħu lit-tfal iż-żgħar fis-sempliċità tagħhom u ppreżentahomlna bħala mudell.
Ipprattika l-Paċenzja:
Il-paċenzja hija virtù qawwija li San Ġorġ Preca żgur li jirrikmandalna għal ħajja feliċi. Bil-prattika tal-paċenzja aħna nkabbru fina l-paċi interjuri u nibqgħu qawwija. Huwa ingann li naħsbu li nistgħu ngħixu mingħajr kuntrarju f’din id-dinja. Żomm f’moħħok li bil-paċenzja tiegħek issalva ruħek!
Żomm Attitudni Pożittiva:
L-esperjenza tal-ferħ fil-ħajja tiddependi ħafna mill-attitudni u l-ċirkustanzi li wieħed ikollu fil-ħajja tiegħu. Attitudni pożittiva hija ta’ fundamentali biex wieħed ikompli miexi fit-tlugħ u l-inżul tal-ħajja. San Ġorġ Preca jinkoraġġina biex nilqgħu l-isfidi b’ottimizmu, għax b’perspettiva ottimista’ wieħed ikompli miexi ‘l quddiem fil-ħajja tiegħu.
Fittex Formazzjoni Kontinwa:
San Ġorġ Preca dejjem qies importanti l-iżvilupp personali u spiritwali tal-persuna. Il-formazzjoni fil-fidi matul il-ħajja kollha hija essenzjali, għax huwa kien insista li ma hemm xejn aktar prezzjuż mit-tagħlim tajjeb li huwa verament l-għajn ta’ kull ġid.
Afda fil-Pjan t’Alla:
Ċentrali fit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca hija l-importanza li wieħed jafda fil-pjanijiet ta’ Alla. Żomm b’regola għalik li tirringrazzja lil Alla kuljum għal dak kollu li jiġi fuqek, kemm dak li jogħġbok kif ukoll għal dak li ma jogħġbokx u nassigurak li jkollok il-paċi fil-qalb tiegħek.
Ejjew nieħdu dawn l-għaxar parriri għas-sena 2024 bħala l-mappa li San Ġorġ Preca jirrakkomandalna waqt li qed nibdew interqu is-sena 2024 biex verament ngħixu ħajja tajba mimlija paċi u ferħ fil-qlub tagħna. Il-Mulej ikun dejjem magħna tul it-triq!