“Mulej, kun qrib il-qaddejja tiegħek, membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, li qed jgħixu f’din id-dar u jitolbuk il-barka tiegħek.”
B’dawn il-kelmiet, l-Arċisqof Gilbert Garcera bierek ir-residenza li fiha qegħdin jgħixu s-soċji, ġewwa Marawoy, Lipa, nhar is-Sibt 8 ta’ Marzu, 2025. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’qari mill-Iskrittura u talb ta’ interċessjoni għall-Knisja, għall-familji, għall-benefatturi u sabiex il-kelma ta’ Kristu tkompli tilħaq truf l-art. Wara dawn, sar ir-rit tat-tberik u tkanta innu Marjan għall-għeluq.
Preżenti kien hemm ukoll Fr Jayson Siapco, il-kappillan tal-parroċċa ta’ Santo Niño f’Marawoy, Monsinjur Ericson Tio, is-segretarju tal-Arċisqof, Fr Manuel Lucero, rettur tas-Seminarju ta’ San Franġisk de Sales, Rev Joshua Garcia, id-djaknu assenjat fil-parroċċa, u l-membri tal-familja Tiu li huma s-sidien tar-residenza. Wara t-tberik, il-membri u l-mistednin ingħaqdu flimkien għall-ikel fir-residenza stess.
Niżżu ħajr lis-Sinjur Alla ta’ din il-laqgħa komunitarja, b’tama u entużjażmu għal iktar ħidma flimkien mal-Arċidjoċesi u l-parroċċa fit-tixrid tal-Aħbar it-Tajba.