Fuq l-istedina ta’ Fr Mark Demanuele MSSP, mill-Uffiċċju għall-Promozzjoni għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida fil-Filippini, il-membri tas-Soċjetà ġewwa Lipa bdew jattendu għal kors virtwali dwar l-Ewwel Tħabbira u l-Evanġelizzazzjoni.
Dan il-kors qed jiġi offrut mill-Istitut Kateketiku tal-Università Franġiskana ġewwa Steubenville, Ohio, fl-Istati Uniti, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni u l-Kateketika (ECEC) tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini. Permezz tal-ECEC, numru sabiħ ta’ katekisti, mexxejja lajċi u evanġelizzaturi mid-diversi djoċesijiet fil-Filippini, qed jingħataw mentoraġġ biex jiffurmaw dixxipli missjunarji.
Is-sessjonijiet ta’ kull ġimgħa qed jitwasslu minn Dr William Keimig, Deputat Direttur tal-Istitut Kateketiku fl-Università Franġiskana. Dr Barbara Morgan kienet waqqfet il-programm kateketiku ta’ din l-università, u l-metodoloġija tagħha tiġi approfondita tul il-laqgħat tal-kors. Jekk Alla jrid, dan il-programm għandu jibqa’ għaddej sa Mejju tal-2025.