Grupp ta’ sittax-il Membru u erba’ Kandidati żaru l-Portugall għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023. L-esperjenza bdiet fis-26 ta’ Lulju meta l-grupp waslu fid-Djoċesi ta’ Fatima għal ftit ġranet fid-djoċesi. Ġew ospitati minn diversi familji fi gruppi żgħar fil-parroċċa ta’ Souto de Carpalhosa. Matul dan iż-żmien, huma kellhom l-opportunità li jżuru u jitolbu fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima. Huma stabbilixxew kuntatti ma’ żgħażagħ kattoliċi mill-Iraq u l-Brażil li wkoll kienu ospitati fl-istess parroċċa.
Il-grupp mbagħad ivvjaġġa lejn Lisbona għall-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar bejn it-2 u s-6 t’ Awwissu. Hawnhekk ipparteċipaw fl-avvenimenti kollha, speċjalment dawk ippreseduti mill-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku. Dawn laħqu l-qofol bil-velja ta’ talb is-Sibt 5 t’Awwissu u l-Quddiesa tal-Ħadd fis-6 t’Awwissu, it-tnejn li saru f’Campo de Graça. Nistennew bil-ħerqa l-Ġublew għaż-Żgħażagħ li se jsir f’Ruma fl-2025 u l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2027 li se jsir fil-Korea t’Isfel.