Min għandu t-tama f’Alla jagħmilha ma’ nies eżemplari fil-virtù.
L-Aħħar Aġġornamenti
The Shattering of Loneliness ta’ Erik Varden jirrifletti fuq kif il-memorja tagħna ta’ Alla tista’ tgħinna negħlbu s-solitudni. Huwa jibbaża fuq l-esperjenzi tiegħu stess, kif ukoll fuq stejjer mill-Bibbja u mit-tradizzjoni Nisranija. Varden jispjega li l-memorja hija parti vitali mill-ħajja tal-fidi. Il-kitba tiegħu hija profonda iżda faċli wkoll biex wieħed jaqra u jifhem, għax l-awtur juża eżempji mill-istorja u mil-letteratura. Il-ktieb jistieden lill-qarrejja biex jirriflettu fuq il-ġlidiet tagħhom stess mas-solitudni u jiskopru kif l-imħabba t’Alla ġġib il-fejqan. Kliem Varden joffri tagħlim u inkoraġġiment, u jenfasizza l-importanza tal-fidi u l-komunità. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ktieb jassigurana li aħna qatt ma nkunu tassew waħedna. Dan il-ktieb huwa sors ta’ faraġ u ispirazzjoni għal kull min iħossu waħdu jew qed ifittex li japprofindixxi l-fidi tiegħu. Disponibbli mil-Librerija Preca.
Aqra AktarMin kellu jgħid lill-koppja Vinċenz u Natalina Preca x’kellha tkun dik it-tarbija? Min kellu jgħid lil ħutu subien u bniet kemm kellu jagħmel ħwejjeġ kbar ma’ ħuhom Ġorġ, il-Mulej Alla, meta jikber? Min kellu jgħid lil sħabu s-seminaristi kemm tfal, żgħażagħ, u adulti, kemm kellhom jieħdu mill-ispiritwalità tiegħu? Min kellu jgħid lill-Maltin ta’ dak iż-żmien li fil-ħdax u kwart ta’ filgħodu tat-12 ta’ Frar 1880 twieldet tarbija li l-biki tagħha ma kien xejn fejn il-kliem li kellu joħroġ minn fommha meta tikber, sabiex twassal il-Kelma ta’ Alla? Alla fassal pjan sabiħ għal din it-tarbija. Alla riedha li titqaddes hi sabiex tkun tista’ tqaddes lill-oħrajn. Alla ried li din it-tarbija tkun fundatur; fundatur ta’ Soċjetà li ttaffi l-għatx bil-Kelma t’Alla. Kemm huma tal-għaġeb triqat il-Mulej! Min jaf kemm nies kellhom isibu xortihom billi jisimgħu il-Kelma t’Alla u jieħdu parir mingħand din it-tarbija! Aħna wkoll sibna xortina permezz ta’ din it-tarbija permezz tas-Soċjetà tal-MUSEUM li taħdem biex ixxerred it-tagħlim u l-imħabba lejn l-Evanġelju. Għalhekk qalbna timtela bi gratitudni lejn Alla għal dak kollu li rċevejna permezz ta’ din it-tarbija... San Ġorġ Preca.
Aqra Aktarminn Carmel G. Cauchi, Membru Għaliex fix-xbihat lil San Pawl narawh bis-sejf f’idu? Il-qaddisin li mietu martri ħafna drabi nġibuhom bis-simbolu tal-martirju tagħhom. Imma hemm raġuni oħra li għaliha naraw xbihat ta’ San Pawl bis-sejf jew xabla f’idu. Fl-Ittra lil-Lhud, hemm miktub li “Il-kelma ta' Alla hi ħajja u qawwija, taqta' aktar minn xabla b'żewġt ixfar” (Lhud 4 :12). U San Pawl kien l-iktar Appostlu li ħabrek u ġera biex iwassal il-kelma t’Alla. Kien l-iktar appostlu li kkonverta nies pagani għall-fidi nisranija billi xandrilhom il-Kelma t’Alla. U ma kienx bil-fomm biss li San Pawl xerred il-kelma t’Alla, imma wkoll bil-kitba. San Pawl kiteb 13-il ittra, li bihom kompla jseddaq il-Kelma t’Alla fost dawk li kien xandarhielhom bil-fomm. Hu għal din ir-raġuni li fix-xbihat tiegħu naraw li San Pawl bi ktieb f’idu l-oħra. Is-sejf u l-ktieb huma simboli tal-Kelma t’Alla. Lilna wkoll tixxandar il-Kelma t’Alla fil-quddiesa, ħafna drabi mill-ittri ta’ San Pawl. Imma kemm qed inħallu din ix-xabla qaddisa tinżel f’qalbna u tibdilna għall-aħjar? Tassew li l-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija, imma jekk inkunu berdin u nħalluha għaddejja minn fuq rasna, żgur ma ġġibx il-frott fina.
Aqra AktarAddattament minn Paragrafi fuq L-Imħabba Tal-Proxxmu u Il-Ktieb il-Kbir ta’ San Ġorġ Preca Alla huwa mħabba u kull min iħobb jixbaħ lis-Sinjur Alla. Imma kif għandha tkun l-imħabba vera? U lejn min għandna nħarsu biex nimitaw? Bla dubju, l-aqwa mudell tal-imħabba huwa Ġesù Kristu nnifsu għax huwa aċċetta minn rajh li jbati u jmut biex isalva ’l ħutu bnedmin mit-telfien ta’ dejjem. B’hekk wera xi tfisser l-imħabba fl-għola livell tagħha, jiġifieri, dik li wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn. Allura, għandu jitqies bħala proxxmu kull min jinsab fil-bżonn ta’ l-għajnuna tiegħek, kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem. Dak huwa l-proxxmu tiegħek li inti għandek tħobb. Fil-proxxmu ilmaħ ix-xbiha ta’ Ġesù Kristu u ttratta miegħu daqslikieku qed tittratta ma’ Ġesù nnifsu. Ftakar li s-Sinjur Alla jgħodd magħmul miegħu nnifsu kull ma nagħmlu mal-proxxmu u jimxi magħna kif aħna nimxu miegħu. B’hekk meta ssejjaħlu fil-bżonn tiegħek, Alla żgur li ma jdawwarx wiċċu minnek. L-imħabba għandha tkun: sinċiera: ibbażata fuq l-opri tal-ħniena. diżinteressata: bla ma tistenna xejn lura. universali: miftuħa għal kulħadd. Mela jħobb lill-proxxmu min iħobb ’il kulħadd, ’il kull bniedem mingħajr ma jfittex lilu nnifsu, u billi jgħinu, kif jista’ bl-opri tal-ħniena. Ħalli kull okkażjoni li tiġik biex tgħin u tħobb lill-proxxmu tnissel fil-qalb tiegħek ferħ ġenwin, mhux tant minħabba l-ħlas li tirċievi lura mis-Sinjur Alla, iżda minħabba l-unur spiritwali li permezz tal-imħabba ssir tixbaħ lis-Sinjur Alla.
Aqra AktarGood, better, best, Never let it rest. Until your good is better, And your better is best. F’dawn il-linji, San Ġlormu joħroġ il-qawwa trasformattiva tal-imħabba. L-esperjenza naturali tal-imħabba hija dejjem tajba u ġusta. Imma mħabba fuq livel ta’ għotja u virtù hija aħjar. L-aqwa mħabba hija dik mifdija, meħlusa mid-dnub u sostnuta mis-sagramenti, skont il-kmand ta’ Ġesù, “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien”. L-Evanġelju ta’ San Ġwann juri din id-dimensjoni wiesgħa u elevata għall-passjoni naturali. Permezz tal-qawwa trasformattiva ta’ Ġesù, il-ħidma ta’ kuljum tista’ ssir okkażjoni ta’ ferħ; il-mard, it-telfa, u l-kuntrarji, jistgħu bl-istess mod, isiru esperjenza tal-ġenna; jew għall-inqas tal-Purgatorju, meta l-grazzja titħalla tidħol fir-realtà uman tagħna. Frar kien imsemmi għal Februa, il-festa tal-purifikazzjoni ta’ Ruma tal-qedem. Qabel ma Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu, id-dinja pagana kellha biss ħjiel tal-qawwa tal-imħabba. Fil-ħajja Nisranija, anke f’nofs it-tħassir u t-tbatija, ix-xenqa naturali tagħna għall-imħabba hija mistiedna li tieħu sehem minn xi ħaġa akbar, minn grazzja dejjiema u sostnuta bl-imħabba mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Fil-kesħa ta’ Frar, il-misteru tas-sofferenza jinħeba fl-istess żerriegħa tal-imħabba b’episodji li juri l-qlubija u s-saħħa tas-salvazzjoni. L-affarijiet jinbidlu għal dawk li l-ewwel prijorità tagħhom hija li jagħmlu r-rieda t’Alla għas-saltna tiegħu. San Rafel, li ismu jfisser “Alla jfejjaq”, jista’ jkun il-gwida tagħna biex nifhmu dan il-vjaġġ trasformattiv. Dan l-arkanġlu kien mibgħut minn Alla biex ifejjaq l-art wara li kienet imniġġsa mill-ispirti l-ħżiena. Frar jiftaħ bil-preżentazzjoni tal-Mulej Ġesù u fl-istess ħin, Jum il-Fondazzjoni tas-Soċjeta Museumina fit-2 ta’ Frar. Imbagħad wara, għeluq snin San Ġorġ Preca fit-12 ta’ Frar. Normalment, anki l-Erbgħa tal-Irmied u r-Randan jiġu fi Frar. Matul dan ix-xahar naraw sinjali qawwija ta' fejqan u ħelsien. Anki d-dehriet ta’ Lourdes, li bdew fil-11 ta’ Frar 1858, iġibu magħhom numru ta’ mirakli ta’ fejqan. Fi Frar jiġi ċċelebrat ukoll in-nawfraġju f’Malta ta’ San Pawl, San Luqa, u sħabhom fis-sena 60 WK. Imma l-aktar data popolari hija Jum San Valentinu fl-14 ta’ Frar, meta ħafna jifirħu bl-iskambji ta’ ħafna simboli ta’ qlub u kliem ta’ mħabba. Sfortunatament, għalkemm il-kummerċ jista’ jxejjen is-sinifikat ta’ din il-festa, m'għandhiex inħallu li dan jiġri. L-imħabba u r-relazzjonijiet tal-bnedmin, kollha jistgħu jwasslu għall-paċi u l-hena, bħalma fl-ewwel miraklu l-ilma ġie mibdul f’inbid. Hu x’inhu l-istat tagħna fil-ħajja, l-imħabba naturali tiġi ttrasformata minn Sidna Ġesù, li żamm l-aqwa inbid biex jiġi servut fl-aħħar tat-tieġ ta’ Kana. Il-poeta Ingliż tas-seklu 18, William Blake, f’dawn il-ftit linji poetiċi, jiġbor ir-rabta tal-imħabbiet umani kollha: I sought my God and my God I couldn't find; I sought my soul and my soul eluded me; I sought to serve my brother in his need, and I found all three; My God, my soul, and thee. Ruth D. Lasserter Ħabiba tas-Soċjetà Indiana, l-Istati Uniti
Aqra AktarGħal-poplu Malti, ix-xahar ta’ Frar huwa sinonimu mal-festa tal-appostlu Missierna San Pawl. Fl-10 ta’ Frar, il-Maltin jiftakru fil-ġrajja meta San Pawl, fis-sena 60WK ġab f’Malta l-fidi Kattolika. Id-devozzjoni li San Ġorġ Preca kellu lejn San Pawl hija tant evidenti. Tant kellu devozzjoni u mħabba lejh, li kien saħansitra jqisu bħala l-fundatur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Forsi tistaqsu: il-MUSEUM mhux San Ġorġ Preca bdih? Veru, San Ġorġ Preca waqqaf is-Soċjetà, imma huwa veru wkoll, li huwa kien ispirat mill-kliem li San Pawl kiteb lil Timotju: “Kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn” (2Tim 2:2). Billi San Ġorġ Preca kien saċerdot li jirrifletti ħafna, huwa ħadem fuq dak li qal San Pawl lil Timotju, u ġabar żgħażagħ biex jgħallimhom il-veritajiet tal-fidi ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jgħallmu lill-oħrajn. Din hija r-raġuni għala San Ġorġ Preca kien iżomm lil San Pawl bħala l-fundatur tas-Soċjetà tiegħu. Apparti dan, it-talb u ċ-ċelebrazzjonijiet li kiteb San Ġorġ innifsu, huma xhieda tad-devozzjoni kbira li kellu lejn San Pawl. San Ġorġ Preca kien jassoċja lil San Pawl mat-tagħlim u l-fidi nisranija. Fil-ktieb L-Eku tal-Ħbieb, San Ġorġ jimmaġina lil San Pawl iħeġġiġna nisimgħu u nitgħallmu mill-Knisja Kattolika, kolonna ferma tal-verità. Iħeġġina biex inxerrdu ma’ kullimkien bil-kelma u bl-eżempju it-tagħlim tagħha għax huwa l-istess tagħlim ta’ Ġesù. Jgħidilna li min jagħti sehmu biex jinxtered it-tagħlim, u b’hekk, jiġi evitat d-dnub, żgur li jsib ħniena u barka mis-Sinjur Alla. Nitolbu ma’ San Ġorġ Preca: Pawlu, kbir appostlu, Missierna fil-fidi, Int dawl tal-ġnus kollha, Itlob ’l Alla għalina.
Aqra AktarL-Attivitajiet Li Jmiss
Aħbarijiet Riċenti
Societas Doctrinæ Christianæ M.U.S.E.U.M.
207
Triq San Ġorġ Preca
Marsa MRS 9090
Malta EU