Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija f’Malta għandha numru ta’ Oqsma madwar Malta u Għawdex.
Waħda mill-prijoritajiet tas-Soċjetà hija x-xogħol kateketiku f’kull parroċċa. Kull filgħaxija ċ-ċentri tas-Soċjetà huma miftuħa għall-katekiżmu u l-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, flimkien ma’ laqgħat okkażjonali għall-adulti. Il-membri jinġabru flimkien biex jieħdu sehem f’din l-attività wara l-ġurnata normali tax-xogħol tagħhom. Wara t-tagħlim tal-katekiżmu, il-membri jieħdu sehem f’laqgħa ta’ siegħa għall-formazzjoni kontinwa fit-Teoloġija u studji relati, prattiċi pedagoġiċi, Storja tal-Knisja, filosofija, psikoloġija u talb komunitarju. Dawn l-attivitajiet isiru kuljum, inklużi s-Sibtijiet u l-Ħdud. Kull nhar t’Erbgħa, bħala parti mill-formazzjoni kontinwa tal-membri tas-Soċjetà, issir il-laqgħa ġenerali fil-Kwartieri Ġenerali tas-Soċjetà fil-Blata l-Bajda. Attivitajiet ta’ rikreazzjoni, kultura u sport jiġu wkoll organizzati regolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ. Is-Soċjetà torganizza wkoll korsijiet spiritwali speċjalizzati għall-ġenituri u l-pubbliku inġenerali kemm fuq bażi lokali kif ukoll ġenerali.
Attivitajiet oħra
L-attivitajiet tas-Soċjetà jinkludu attivitajiet oħra relatati mal-għanijiet speċifikati fir-Regola. Fost dawn l-attivitajiet wieħed irid isemmi:
- Formazzjoni kateketika fost l-adulti
- Is-Soċjetà tgħin lill-parroċċi fl-iżvilupp spiritwali tal-ġenituri li għandhom ’il uliedhom jattendu fil-klassijiet li fihom jirċievu l-formazzjoni sagramentali.
- Kull sena f’ħafna miċ-ċentri tas-Soċjetà jiġi organizzat kors kateketiku ta’ ġimgħa fuq tema partikolari, li hija magħrufa iktar bħala ‘Ġimgħa ta’ Tagħlim’.
- Kultant snin, f’numru ta’ ċentri jiġi organizzat ukoll programm ta’ formazzjoni kateketika li jtul ħmistax, li hu magħruf iżjed bħala ‘Sajda Museumina’.
- Kull xahar jiġu organizzati laqgħat immirati għaż-żgħażagħ fid-diversi ċentri tas-Soċjetà.
- Barra minn hekk, kull xahar issir laqgħa għal dawk li tinteressahom l-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca fid-Dar Ġenerali.