Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-immigrazzjoni minn Malta għall-Awstralja kienet mħeġġa b’diversi miżuri vantaġġjużi li rriżultaw mal-150,000 Malti jaslu l-Awstralja kull sena, għal total ta’ żewġ miljun ruħ f’medda ta’ għoxrin sena.
Kien minħabba din ir-realtà li Dun Ġorġ Preca sejjaħ lil xi membri tal-Museum biex jagħtu s-servizzi tagħhom fl-Awstralja u jkomplu x-xogħol tas-Soċjetà f’din l-art ġdida.
L-ewwel parroċċa li fiha l-membri tal-Museum bdew l-ewwel attivitajiet tagħhom kienet dik ta’ St. Mary Star of the Sea, f’West Melbourne. Din kienet parroċċa kbira taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Justin Simonds, li kien arċisqof ta’ Hobart mill-1937 sal-1942. Fl-1942 huwa nħatar bħala arċisqof awżiljarju ta’ Melbourne bid-dritt tas-suċċessjoni u anke kappillan ta’ West Melbourne f’Novembru tal-1942. Kien propju fi żmienu li s-Soċjetà bdiet l-ewwel missjoni tagħha fl-Awstralja. Simonds kien l-ewwel qassis imwieled l-Awstralja li kellu jingħata l-kariga ta’ Arċisqof.
Fil-ħamsinijiet West Melbourne kienet iddominata minn ħaddiema tal-id. Kien hemm popolazzjoni Kattolika kbira magħmula minn Taljani kif ukoll minn Maltin. Kien f’dan iż-żmien li l-membri Maurice Mifsud (RIP), John Portelli u Joseph Sacco, wara li ħallew Malta fis-17 ta’ Marzu 1956, rifsu f’dan il-kontinent.
Iktar ‘il quddiem tliet membri oħra waslu minn Malta. Dawn il-membri, li bejniethom iffurmaw il-qalba tal-ewwel Qasam tal-Museum fl-Awstralja ġo West Melbourne, kienu Pius Farrugia, John Micallef u Vincent Xerri. Wara l-ewwel ftit xhur, dawn il-membri marru f’post ġdid, f’7 Chatwynd Street.
L-ewwel membri daħlu għax-xogħol tas-Soċjetà b’entużjażmu kbir. Kellhom ifittxu xogħol, jadattaw ruħhom għall-kultura Awstraljana u jagħmlu lilhom infushom magħrufa u relevanti f’kultura li ma kienet taf xejn dwar din il-forma ġdida ta’ appostolat.
Illum is-Soċjetà fl-Awstralja għandha numru ta’ Oqsma f’Melbourne, Adelaide, Hobart u Sydney.
Għal ħarsa ġenerali fuq l-appostolat u l-attivitajiet organizzati mid-Delegazzjoni tal-Awstralja , tista’ idħol fuq www.precacommunity.org jew tara r-rivista THE MUSEUM.