“Iżda mqar issa, oraklu tal-Mulej, erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha,
bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq; ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom.”
(Ġoel 2:12-13)
Hekk kif nibdew iż-żmien qaddis tar-Randan, ejja niffukaw fuq is-sawm, is-silenzju u l-qari. Dawn il-prattiċi mhumiex maħsuba biex itelfunlna l-gost ta’ ħajjitna, anzi, dawn jgħinuna nsibu aktar lilna nfusna u nifhmu aktar fil-fond dak li neħtieġu.
F’dinja mimlija distrazzjonijiet, is-sawm ineħħi l-istorbju u jippermettilna nsibu l-ferħ fis-sempliċità. Ifakkarna biex napprezzaw il-pjaċiri żgħar tal-ħajja u nagħrfu dejjem aktar kemm aħna niddependu għal kollox minn Alla. Billi niċċaħdu minn xi kumdità żgħira, aħna nibnu r-reżiljenza u nippreparaw lilna nfusna biex niffaċċjaw l-isfidi li jiġu fuqna. Is-sawm huwa talba li tgħid: “Mulej, jien nafda fik, għax konvint li tipprovdili dak kollu li għandi bżonn”.
Is-silenzju huwa wkoll element importanti f’dan il-vjaġġ spiritwali. Li ngħaddu ħin ‘il bogħod mid-distrazzjonijiet jgħinna nisimgħu l-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ ġo fina b’mod aktar ċar. Is-silenzju jista’ jiżvela veritajiet sinifikanti dwarna u għalhekk jintroduċina aktar għalina nfusna, għal dak li verament qed naħsbu, inħossu u li jbeżżagħna. Li niddedikaw jiem fejn ninqatgħu mit-teknoloġija tista’ tgħinna naħsbu u nifhmu aktar kif aħna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. F’dawn il-mumenti kwieti, nistgħu nisimgħu lil qalbna u nerġgħu nsibu t-triq. Is-silenzju huwa azzjoni ta’ kreazzjoni tagħna nfusna għax fih insibu t-tiġdid ta’ ruħna.
Il-qari għandu wkoll rwol kruċjali matul ir-Randan. San Benedittu, b’mod partikolari, ħeġġeġ għal aktar qari biex nimtlew b’ideat ġodda li jrawmu r-ruħ tagħna. F’qari ta’ kotba spiritwali ġodda niskopru għarfien ġdid u ispirazzjoni qawwija li tħeġiġna għal żvilupp personali. Ir-Randan huwa żmien biex ninbidlu, mhux biex insiru xi ħadd ieħor, imma biex insiru aktar dak li aħna msejħin biex inkunu.
Ir-Randan huwa dejjem sejħa għall-konverżjoni. Permezz tas-sawm, is-skiet, u l-qari, nistgħu nġeddu l-ispirtu tagħna. Is-sawm iwassal għall-karità, il-qari jwassal għall-iżvilupp u s-silenzju jwassal għall-bidla. Ħalli r-Randan ikun bħall-istaġun tar-rebbiegħa għalik innifsek!