Kull persuna b’xi mod jew ieħor għandha bżonn il-virtù tat-tama. Fil-ħajja ta’ kuljum inpoġġu t-tama tagħna regolarment fin-nies u fl-affarijiet, bħal f’piloti li jtajru ajruplan b’mod sigur u f’kokijiet li jsajru l-ikel b’mod iġjeniku. Imma għalina l-Insara, it-tama tmur lil hinn minn kapaċitajiet tal-persuna. Għalhekk, aħna, l-Insara fidili, irridu nittamaw fil-Mulej kif jgħid il-profeta Mikea.
Din it-tama għaliex neħtiġuha? Il-ktieb ta’ Iżaija jiddeskrivieha b’mod sabiħ ħafna fejn insibu li dawk li “jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu” (Iż 40:31). Permezz tat-tama aħna jkollna skop biex ngħixu l-fidi tagħna. Ma kienx hemm qaddis li ma kellux it-tama fil-glorja t’Alla. L-iktar persuna fil-Bibbja li jsemmi din il-virtù teologali hu San Pawl, li t-tama jaraha bħala ingredjent essenzjali biex il-ħrara tagħna ma tibridx. Iżid li għandna nifirħu bit-tama u dan tassew minnu għax nafu li nistgħu nduqu l-ħwejjeġ tas-sema jekk ikollna lilha.
Ma rridux neskludu l-importanza tat-tama għall-Papa Franġisku li addotta din t-tema għall-Ġublew. Il-Papa jsemmi l-Bolla tal-Indizzjoni: Spes Non Confundit, li tfisser, ‘it-tama ma tqarraqx’, kliem l-Appostlu San Pawl. Il-Papa jsejħilna biex inkunu “Sinjali tanġibbli ta’ tama għal tant ħutna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ibsin” (10). Ikompli jżid il-Papa li din “it-tama ma ċċedix fid-diffikultajiet: hi tinbena fuq il-fidi u titmantna bl-imħabba” (3).
Għalhekk f’din is-sena tal-Ġublew tat-Tama nippruvaw ngħarblu lil ruħna u nistaqsu:
- Aħna nittamaw fil-bnedmin jew f’Alla?
- Qed inkunu xhieda tat-tama fil-Mulej?
Jake Bezzina
Kandidat