Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! Illum ukoll miniex se nkun nista’ naqra kollox: ġej għall-aħjar, imma leħni għadu mhux tajjeb. Monsinjur Braida se jaqra l-katekeżi. Illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, fil-Vanġelu qasir li toffrilna l-liturġija (ara Mk 13,33-37), Ġesù jindirizza tliet darbiet eżortazzjoni sempliċi u diretta: “Oqogħdu għassa” (vv. 33, 35, 37). .
It-tema hija għalhekk il-viġilanza. Kif għandna nifhmuha? Xi drabi naħsbu f’din il-virtù bħala attitudni mqanqla mill-biża’ ta’ kastig imminenti, bħallikieku meteorite kienet se taqa’ mis-sema u thedded li se tgħaffiġna jekk ma niskansawhiex fil-ħin. Imma din żgur mhijiex it-tifsira tal-viġilanza Nisranija!
Ġesù juri dan b’parabbola, billi jitkellem dwar sid li se jerġa’ lura u l-qaddejja tiegħu jistennewh (ara v. 34). Il-qaddej fil-Bibbja huwa l-“persuna ta’ fiduċja” tas-sid, li ħafna drabi miegħu jkun hemm relazzjoni ta’ kollaborazzjoni u affezzjoni. Ejja naħsbu f’Mosè definit bħala qaddej ta’ Alla (ara Nm 12,7) u li Marija tgħid minnha nfisha wkoll: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38). Hekk il-viġilanza tal-qaddejja mhix ġejja minn biża’, imma minn xewqa li jiltaqgħu ma’ sidhom ġej. Lesti għar-ritorn tiegħu għax iħobbuh, għax jippjanaw li jħalluh isib, meta jasal, dar akkoljenti u ordinata: huma kuntenti li jerġgħu jarawh, sal-punt li jistennew ir-ritorn tiegħu bħala ċelebrazzjoni għall- familja kbira kollha li huma parti minnha.
Huwa b’din l-istennija mimlija affett li rridu nippreparaw ukoll biex nilqgħu lil Ġesù: fil-Milied li niċċelebraw fi ftit ġimgħat; fl-aħħar taż-żmien, meta jerġa’ lura fil-glorja; kuljum, hekk kif jiġi jiltaqa’ magħna fl-Ewkaristija, fil-Kelma tiegħu, f’ħutna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.
Għalhekk, b’mod speċjali f’dawn il-ġimgħat, ejjew nippreparaw bir-reqqa d-dar tal-qalb, sabiex tkun fl-ordni u ospitabbli. Fil-fatt, li tkun viġilanti jfisser li żżomm qalbek lesta. Hija l-attitudni tal-għassies, li bil-lejl ma jħallix lilu nnifsu jongħos, ma jorqodx, imma jibqa’ mqajjem jistenna s-sebħ. Il-Mulej hu d-dawl tagħna u sabiħ li nħejju qalbna biex tilqgħu bit-talb u tilqgħu bil-karità. F’dan ir-rigward, jingħad li San Martin ta’ Tours, raġel ta’ talb, wara li ta nofs il-mantell tiegħu lil fqir, ħolom b’Ġesù liebes proprju dik il-parti tal-mantar li kien ta karità. Hawn hu programm sabiħ għall-Avvent: niltaqgħu ma’ Ġesù li jiġi f’kull wieħed minn ħutna li għandu bżonna u naqsmu miegħu dak li nistgħu: smigħ, ħin, għajnuna konkreta.
Għeżież, huwa tajjeb għalina llum li nistaqsu lilna nfusna kif se nħejju qalb li tilqa’ lill-Mulej. Dan nistgħu nagħmluh billi nersqu lejn il-Maħfra tiegħu, il-Kelma tiegħu, il-Mejda tiegħu, insibu spazju għat-talb, nilqgħuh f’dawk fil-bżonn. Ejjew nikkultivaw l-istennija tiegħu mingħajr ma nkunu distratti minn ħafna affarijiet inutli u mingħajr ma nilmentaw kontinwament, imma nżommu qalbna attenta, jiġifieri ħerqana għalih, imqajmin u lesti, bla paċenzja biex niltaqgħu miegħu.
Jalla l-Verġni Marija, mara ta’ stennija, tgħinna nilqgħu lil Binha li ġej.