minn Carmel G. Cauchi, Membru
Agħti lil Alla dak kollu li għandek
u hu jagħtik dak kollu li għandek bżonn.
Nagħti kollox lill-Mulej. Xi jfisser dan?
Dan ifisser:
- li ma nħalli xejn jifridni mill-imħabba t’Alla;
- li nagħmel ħilti kollha biex inħares il-liġi tiegħu;
- li nkun lest li nagħmel kull sagrifiċċju li jitlob minni;
- li nżomm lilu bħal l-ogħla u l-aqwa valur f’ħajti.
Jekk jien inkun hekk ġeneruż mal-Mulej hu jkun ġeneruż ħafna iktar minni u jagħtini dak kollu li neħtieġ. San Ġorġ Preca kien jgħallem li dak li hu tajjeb u sabiħ fil-kreatura huwa infinatament tajjeb u sabiħ fil-Kreatur.
Dan jgħallimhulna wkoll l-Imgħallem innifsu: “Fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu (li tenħtieġu) jingħatalkom ukoll.” (Mt 6,33)
L-Imgħallem qalilna wkoll li jekk Alla jieħu ħsieb it-tajr u l-ġilji kemm iżjed jieħu ħsieb lilna l-bnedmin li aħna ħafna iktar prezzjużi minnhom. (Mt 6, 25-34)
San Pietru kiteb: “Itfgħu fuqu (Alla) l-hemm tagħkom kollu għax huwa jieħu ħsiebkom.” (1 Pt 5,7)
Il-Bibbja tgħid ukoll, “Il-Mulej jimxi quddiemek, hu jkun miegħek; ma jħallikx u anqas jitilqek; la tibżax u la taqtax qalbek.” (Dt 31,8)
Mela nagħti kollox ’l Alla u ma jkun jonqosni xejn.
Lil Alla kollox nagħti,
kulm’għoġbu jagħti lili
u ċert li f’kull bżonn tiegħi
hu dejjem jipprovdili.