Fi ħdan it-taħlita mżewqa ta’ kulturi Kenjani u r-ritmu mgħaġġel tal-ħajja moderna, qed tinbet u tikber ġenerazzjoni ġdida ta’ adolexxenti Kattoliċi – ġenerazzjoni determinata li twaħħad il-fidi Kattolika mar-realtajiet tal-lum. Kif is-soċjetà ssir iktar sekulari, l-iktar minħabba l-influwenza kbira tal-media soċjali, hija din il-faxxa ta’ etajiet li l-iktar iħossu din il-bidla.
Affaċċjat minn pressjonijiet biex jikkonforma man-normi tradizzjonali, li tkun adolexxent li qed tipprova tgħix il-fidi Kattolika, ħafna drabi tinħass battalja għat-telgħa. Il-fidi sikwit tintlaqa’ b’xettiċiżmu u xi kultant tiġi rredikolata, skartata bħala xi ħaġa skaduta f’dinja li tgħożż il-modernità. Hu ferm faċli li tħossok iżolat meta tagħżel il-quddiesa minflok xalar f’xi party jew li tgħallem il-katekiżmu minflok xi lejl divertiment.
Din l-isfida tistedinna mhux biss biex niddefinixxu xi tfisser tgħix ta’ Nisrani imma li nixorbu wkoll mill-istess għajn li nipprietkaw minnha. Bħal xabbaturi li jiddependu fuq xulxin biex jilħqu l-quċċata ta’ muntanja, aħna l-Kattoliċi żgħażagħ ukoll neħtieġu l-appoġġ ta’ xulxin. Il-fidi tissaħħaħ u tagħti l-frott fl-għaqda, fi ħdan gruppi taż-żgħażagħ fil-Knisja, laqgħat oħra jew fil-qasam tal-MUSEUM. Fihom insibu kenn, post fejn naqsmu t-taqbid li nkunu għaddejjin minnu, nikbru fil-fidi u nappoġġjaw lil xulxin f’dan il-vjaġġ.
Hawnhekk insibu persuni li jiddiriġuna, ħbieb li jiggwidawna, jgħinuna nterrqu fil-mogħdijiet xi kultant imħarbta tal-għixien tal-fidi tagħna. F’dinja li tiġbidna lejn ħafna direzzjonijiet, il-fidi tħawwilna f’ dak li hu etern. Permezz ta’ dan il-vjaġġ, aħna nikbru mhux biss fir-relazzjoni personali ma’ Alla imma wkoll fl-impenn għall-komunità tagħna – nagħtu forma tanġibbli lill-fidi f’dinja li tant sikwit tiddubitaha.
Thomas Njugun
Kandidat mill-Qasam ta’ Ruiru, il-Kenja