Għal xi raġuni xi kompożituri kultant jonqsu milli jtemmu x-xogħol tagħhom. Każ tipiku huwa t-Tmien Simponija ta’ Franz Schubert, li kiteb fl-1822 iżda ma ndaqqx qabel l-1865, snin wara mewtu. Minn abbozzi jirriżulta li din il-mużika kellha tikkonsisti f’erba’ movimenti. Madankollu nstabu tnejn biss fl-arkivji tal-orkestra fejn Schubert bagħat il-partituri. Minkejja dan l-istoriċi tal-mużika rnexxielhom jagħtu forma lil din il-kompożizzjoni li eventwalment irriżulta li kienet waħda mill-akbar xogħlijiet ta’ Schubert.
Waqt li nisma’ r-radju, dan l-aħħar sirt naf li marċ tal-banda minn direttur Malti kellu jintemm minn mużiċist ieħor. Anke t-titlu deher jindika fatt bħal dan. F’dak il-mument ftakart f’dak li kont qrajt dwar sinfonija oħra mhux mitmuma fi ktieb dwar Santa Tereża ta’ Lisieux, Tereża, Secrets of Her Joy, miktub minn Dun Pierre Deswcouvemont.
Int u jien, nistgħu nqabblu lilna nfusna ma’ sinfonija mhux mitmuma. In-nuqqas ta’ komprensjoni minn ħaddieħor, il-mard, id-dgħufijiet u d-dnubiet tagħna u fl-aħħarnett il-mewt jistgħu jwaqqfuna milli nwettqu s-sinfonija li kienet iddisinjata għalina. Imma dan x’għandu x’jaqsam? Alla jitlobna preċiżament nittamaw li xi darba jkun jistaʼ jittrasforma s-sinfonija tal-ħajja tagħna f’alleluja eterna, minkejja li n-noti foloz jistgħu jispikkaw, l-aspirazzjonijiet tagħna setgħu damu wisq biex jimmaterjalizzaw u ċerti pawżi ma ġewx rispettati. Waqt dawn il-pawżi mużiċist irid jieqaf għal ftit u joqgħod sieket waqt li jistenna li jmiss. L-importanti hu li waqt is-sinfonija ppruvajna indoqqu kif stajna, bħal tifel taħt il-ħarsa mħabba ta’ missieru.
Fil-mużika hemm kliem u simboli li jagħtu kulur u espressjoni u jindikaw ir-ritmu tal-mużika. Dawn l-indikazzjonijiet huma normalment bit-Taljan. Għandna nilagħbu skont il-moviment non troppo presto, jew moderato, jiġifieri b’mod li ma jkunx aktar mgħaġġel milli mistenni mill-maestro divin. Għandna naraw ukoll jekk għandhomx nużaw l-espressjonijiet piano, forte jew fortissimo. Huwa Alla li qed jidderieġi l-orkestra kollha. Quddiemu għandu l-partitura sħiħa li fiha l-mużika għall-istrumenti kollha biex ikun jaf fejn kull mużiċist għandu jagħti s-sehem tiegħu. Alla għandu l-partitura oriġinali u madankollu Hu jittollera lil dawk li jmorru xi ftit żvijati, inaqqsu r-ritmu jew jipproduċu noti foloz. L-iktar ħaġa importanti, madankollu, hija li l-parti tagħna fis-sinfonija tindaqq con cuore, bil-qalbna.