“It-tama tiegħi ma tqarraqx bija!” (Rumani 5:5) Alla żgur mhux se jiddiżappuntani… Il-futur huwa sabiħ.Fil-qalb tiegħi, hemm ix-xewqa illi kollox se jkun sew. Ħwejjeġ tajba hemm jistennewni. Imma meta nħares madwari… x’nara?
Gwerer, ġlied, kunflitti, mard, nuqqas ta’ qbil, tibdil fil-klima, abbuż sfrenat ta’ riżorsi naturali u umani…. Dan id-dlam huwa qawwi. Inħares u ma nara xejn ħlief dlam. Fija nħoss bħal tensjoni… bejn il-kunfindenza u l-qtigħ il-qalb…. bejn il-paċi tal-qalb u l-moħħ u l-ansjetà… bejn il-ferħ u l-biża’… bejn dak li jagħti l-ħajja u dak li joqtol. Tgħid din it-tama ta’ ġo fija… vojta? Ma tagħmel l-ebda sens?
Fil-ħemda tal-lejl, bdejt nisma’ xi ħaġa… Kienet bħal donnu mużika ħelwa. Bħal donnu xi għanja mimlija ferħ tal-Milied… ferħ, paċi, il-faxxinu tat-tfulija. Ħsiebi mar fil-ferħ li kont inħoss fi tfuliti meta kont affaxinat bit-twelid tat-tarbija Ġesù. Xena li reġgħet nislet fija il-paċi u l-kalma. Kemm hu minnu dak li darba kont smajt, li “Min għandu t-tama jgħix differenti, għax għandu r-rigal ta’ ħajja ġdida!” (Spe Salvi 2) It-tama tiegħi hija rigal mogħti lili minn Alla. It-tama tiegħi hija Ġesù nnifsu. Ġesù huwa r-rigal mogħti lill-bnedmin kollha, hu l-ankra tagħhom, biex ħajjithom tkun mimlija u tagħmel sens.
Niffissa ħarsti lejk, Ġesù Bambin, u niftakar li inti s-sinjal u r-raġuni tat-tama ta’ ħajti. Fik nara sinjal ta’ faraġ, ħniena u mħabba. Is-sens veru ta’ ħajti. Imlieni bil-paċenzja biex inkun kapaċi nieqaf, inħares lejk u nkun kapaċi nistagħġeb bik! Agħtini s-sabar li waqt li niggustak tarbija fil-maxtura, nilmaħ fik il-paċi, l-imħabba, l-għaqda, il-ħniena. Imlieni bil-paċi tiegħek! Imlieni bl-entużjażmu għall-ħajja! Agħmel minni Ġesù Bambin, sinjal ta’ tama għal dawk kollha li niġi f’kuntatt magħhom. Ħallini nkun qatra ta’ ħajja biex ħaddieħor jara fija s-sabiħ li tgħix u jduq l-imħabba li inti nissilt fil-qalb tiegħi! Kabbar fija l-attenzjoni għall-bżonnijiet tal-oħrajn biex inkun pront nirrispondi għall-bżonnijiet tagħhom. Agħmel li nkun duwa għall-feriti tal-proxxmu tiegħi li jxekkluhom milli jirnexxielhom jiltaqgħu miegħek!
Ġesù Bambin, jien nittama fik. Int essenzjalment tajjeb. Huwa l-gost tiegħek, li aħna wliedek, nittamaw fik u nirrikoru lejk f’kull bżonn tagħna. Sinjur Ġesù, li ma tonqos qatt lil min jittama fik, ferraħli qalbi bil-paċi tiegħek… għax fik biss it-tama tagħna.
Fid-dinja tbatu jkollkom,
iżda agħmlu l-qalb: jien irbaħt id-dinja!
Ġw 16:33
Iġġeddu fit-tama! Il-kelma t’Alla tgħinna
nsibu raġuni għal dik it-tama.
Papa Franġisku
Min għandu t-tama f’Alla jġib ruħu ma’ Alla,
b’vera kunfidenza, bħal iben ma’ missieru.
San Ġorġ Preca