Sfortunatament fi żmienna saret komuni li ħafna jitkellmu kontra l-fidi Nisranija. Mhux ħaġa kbira li tkun qed tqalleb fuq il-mezzi tax-xandir jew il-mezzi soċjali u tiltaqa’ ma’ xi ħadd jargumenta fuq dan. Imma mhux l-ewwel darba li, xħin tieqaf tisma’ x’għandhom xi jgħidu fuq il-fidi f’Alla, jitkellmu fuq ħafna ideat differenti, imma ftit li xejn jirriflettu fuq dak li Alla wriena li hu.
San Ġorġ Preca, fi żmienu diġà kien qed jara din ir-realtà tikber madwaru u ħadem fuq li ħadem biex jiġġildilha bil-mod li seta’, billi jgħallem bil-kliem imma wkoll billi jipprattika dak li kien jemmen. Din il-biċċa xogħol Alla ma jirriservahiex lil ftit nies bħal Dun Ġorġ, il-qassisin, ir-reliġjużi jew il-Membri tal-MUSEUM. Kull Nisrani, dakinhar tal- Magħmudija, Alla sejjaħlu biex, bil-mod li jista’, iwassal lil dawk li jiltaqa’ magħhom min hu dan Alla.
U llum li ħafna ma joqogħdux lura milli jsemmu ideat żbaljati ta’ min hu Alla, hemm aktar bżonn li aħna nuru min hu Alla, kulħadd kif jista’. Min jista’ bil-kelma, oħrajn bil-kitba, imma żgur kulħadd bl-eżempju, billi ngħixu dak li nemmnu.