Meta naħsbu fuq il-ħajja spiritwali tagħna, ħafna drabi nistgħu nkunu ttentati li nħarsu lejha b’mod astratt u vag bil-konsegwenza li nsibuha diffiċli li nifhmu eżatt x’hemm bżonn isir biex nikkonvertu jew nimxu ’l quddiem.
Imma din ma kinitx problema għal San Girgor ta’ Nissa. F’waħda mill-omeliji tiegħu dan il-qaddis jispjega:
“Ħu biċċa ħadid bħala eżempju. Għalkemm għall-ewwel ma tidhirx tajba għax beda jidher is-sadid, ladarba s-sadid ikun ġie mibrux sewwa, jerġa’ jibda jiddi b’mod brillanti u jirrifletti r-raġġi tax-xemx. Hekk hu l-bniedem minn ġewwa, dak li l-Mulej ifisser meta jsemmi l-qalb… Ladarba wieħed ineħħi minn ruħu l-kisja tal-ħmieġ li kiber fuqha minħabba t-traskuraġni tad-dnub tiegħu, jerġa’ jikseb ix-xebh tiegħu mal-mudell tiegħu (Ġesù), u jsir tajjeb. Għax dak li jixbah lil dak li Hu t-tajjeb innifsu (Ġesù), huwa tajjeb ukoll. Din hi l-barka ta’ dawk safja fil-qalb, meta jaraw is-safa tagħhom stess, jaraw il-mudell divin rifless fihom infushom.”