mill-Iskola ta’ Betlem ta’ San Ġorġ Preca
L-iktar għeżież, nitgħallmu mill-Imgħallem Divin tagħna:
Il-Fedeltà ta’ Alla
Ġesù Kristu, l-imwiegħed Messija li tant xtaqu jaraw il-patrijarki, il-profeti u bosta slaten, bid-dehra tiegħu fostna bnedmin uriena li Alla wettaq fedelment dak li Huwa wegħedna, jiġifieri l-ħelsien mill-mewt eterna permezz tal-feddej tal-ġeneru uman. L-istess Iben divin u għaziż tiegħu magħmul veru bniedem. “U int Betlem, art ta’ Ġuda, le m’intix l-iċken fost l-ibliet ta’ Ġuda għaliex minnek joħroġ il-Mexxej li jmexxi ‘l-poplu tiegħi Iżraeli.” Hekk ġie mħabbar permezz tal-profeta Mikegħa u hekk ġie mitmum.
Sentenzi relattivi:
- Bosta ħwejjeġ jiena għandi x’nitkellem fuqkom u x’niġġudika. Iżda Dak li bagħtni jgħid is-sewwa, u jiena dak li smajt minnu nitkellem fid-dinja. — Ġesù Kristu
- Jekk aħna ma nemmnux, Alla jibqa’ fidil, jiċħad lilu nnifsu ma jistax. — San Pawl.
- Alla huwa fidil u ma jħallix li intom tkunu ttentati ’l fuq mill-forzi tagħkom. — San Pawl.
Proponiment:
Nipproponu illi nifhmuha serjament li mingħajr il-fedeltà ma nistgħu nkunu qatt ħbieb ta’ Alla, li ma jistax jigdeb b’ebda mod.