“Grazzi, Sinjur Alla, u Aħfirli, Sinjur Alla!” hija waħda mill-aktar talbiet popolari ta’ San Ġorġ Preca, li ħafna nies jitolbuha ta’ spiss. Din it-talba tiġbor żewġ aspetti fundamentali tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla: is-sens ta’ gratitudni u l-bżonn li nitolbu maħfra lil Alla li hu tant tajjeb u ħanin lejna.
Alla, l-akbar benefattur tagħna, jistħoqqlu l-gratitudni tagħna, għax nafu li dak kollu li nippossedu nafuh lilu biss. Għalhekk, biex innislu fina l-ispirtu ta’ gratitudni, irridu nkunu konxji tal-grazzji kollha li rċevejna mingħandu, anke dawk l-aktar ċkejknin jew li stajna ħadnihom bħala ovvji. Fl-Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku jħeġġiġna biex kontinwament nitolbu l-grazzja li jkollna “memorja grata”. Dan jgħinna nagħrfu li aħna dejjem fil-bżonn tal-għajnuna ta’ Alla f’dak kollu li nagħmlu, għax mingħajru, ma nistgħu nagħmlu xejn.
Inħarsu lejn Marija u niftakru li aħna msejħin biex naqsmu mal-oħrajn dak li rċevejna b’mod gratuwit mingħand Alla. Dan il-qsim huwa wkoll mod ta’ espressjoni ta’ gratitudni lejn Alla, kif ukoll, mezz biex naqsmu u nkattru l-barkiet li rċevejna.
Madankollu, bħala bnedmin, ħafna drabi aħna nonqsu f’aspetti differenti, speċjalment lejn Alla. Għalhekk, irridu wkoll nikkultivaw fina nfusna il-qawwa li nfittxu u nitolbu maħfra. Element fundamentali biex wieħed jkabbar fih is-sens ta’ indiema huwa filli wieħed inissel fih innifsu spirtu umli. Dan jgħinna nirrikonoxxu l-fallimenti tagħna quddiem Alla u nitolbu maħfra tagħhom. Li nirrikonoxxu n-nuqqasijiet tagħna huwa kruċjali biex infittxu l-maħfra u nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.
Barra minn hekk, wieħed irid juża l-isforzi kollha tiegħu biex jevita li jirrepeti żbalji tal-passat. Dan l-impenn għall-bidla huwa essenzjali fil-mixja tagħna lejn il-qdusija. Biex ikabbar fih spirtu ta’ ndiema, wieħed irid ikun ukoll aktar sensittiv għall-oħrajn u jkun pront jaħfer minn qalbu lil min ikun naqqsu. Din l-attitudni tgħinna nxerrdu l-ħniena ta’ Alla fil-laqgħat tagħna ta’ kuljum ma’ ħaddieħor u b’hekk trawwem spirtu ta’ kompassjoni u mħabba fil-komunità li ngħixu fiha.
Hekk kif qed noqorbu lejn l-aħħar tas-sena, huwa importanti li nirriflettu fuq il-barkiet bla għadd li rċevejna mingħand Alla u nirrikonoxxu n-nuqqasijiet li wettaqna. Ir-repetizzjoni tat-talba sabiħa, “Grazzi, Sinjur Alla, u Aħfirli, Sinjur Alla!”, għandha tgħinna ngħixu spirtu ta’ gratitudni u ta’ indiema tul ħajjitna kollha. Billi nagħmlu hekk, nitolbu lil Alla jimliena b’dawn iż-żewġ attitudnijiet, biex inkunu nistgħu ngħixu aktar bis-sħiħ fil-grazzja u l-imħabba tiegħu. Ejjew inżommu din it-talba qrib qalbna bħala tfakkira tal-providenza bla limitu u l-ħniena ta’ Sidna!
Alla, o Missier, irċievi l-pjagi divini ta’ ħuna Ġesù Kristu, Ibnek l-għażiż,
li jiena noffrilek biex nirringrazzjak denjament
għall-ġid kollu li inti għamiltli,
u biex naqla’ minnek il‑maħfra ta’ dnubieti kollha.
Ammen.