jġib ’il quddiem is-Saltna ta’ Alla fuq l-art bi spirtu ta’ qadi
Is-Soċju, għax jibqa’ jgħix fid-dinja, japprezza li dan l-istat lajkali jiftaħ quddiemu s-setturi kollha tas-soċjetà u jifhem li l-ħidma tiegħu fid-dinja hija parti intrinsika mill-vokazzjoni tiegħu. Għaldaqstant is-Soċju jibqa’ miftuħ għal kull kwalità ta’ xogħol u professjoni, u għandu jagħti l-kontribut li jista’ fis-soċjetà li jkun igħix fiha. Filwaqt li jkollu fih “il-ġuħ u għatx għall-ġustizzja” (Mt 5:6), hu għandu jħossu responsabbli li jiżviluppa fih dawk il-kwalitajiet li jagħmluh ħaddiem aħjar u aktar professjonali biex anki fuq il-post tax-xogħol iġib ’il quddiem is-Saltna t’Alla b’xhieda bosta drabi siekta imma awtentika.
Għalhekk kull Soċju għandu jħabrek u jibża’ għax-xogħol tiegħu. M’għandhiex tkun il-kilba għall-karriera li timmotiva lis-Soċju billi x-xogħol fil-ħajja tas-Soċju huwa l-mezz ta’ kif igħix u jiżviluppa lilu nnifsu u jġib ’il quddiem is-Saltna ta’ Alla fuq l-art bi spirtu ta’ qadi. Għaldaqstant din id-dimensjoni tax-xogħol għandha tkun integrata mad-dimensjonijiet l-oħra kollha tas-sejħa tiegħu.
Fl-għejxien tal-vokazzjoni tiegħu s-Soċju jeħtieġlu jitgħallem ukoll jintegra l-aspetti kulturali u soċjali tal-ħajja lajkali u sekulari tiegħu fil-familja u fuq ix-xogħol. Din l-integrazzjoni hija ċċentrata fuq il-priorità u tfittxija ta’ Alla fil-ħajja tas-Soċju u mhux fuq it-tfittxija tas-sodisfazzjon tiegħu nnifsu li twasslu biex jitlef lilu nnifsu minflok li jsib lilu nnifsu f’Alla u lil Alla f’kollox.