Addattament minn Paragrafi fuq L-Imħabba Tal-Proxxmu
u Il-Ktieb il-Kbir ta’ San Ġorġ Preca
Alla huwa mħabba u kull min iħobb jixbaħ lis-Sinjur Alla. Imma kif għandha tkun l-imħabba vera? U lejn min għandna nħarsu biex nimitaw?
Bla dubju, l-aqwa mudell tal-imħabba huwa Ġesù Kristu nnifsu għax huwa aċċetta minn rajh li jbati u jmut biex isalva ’l ħutu bnedmin mit-telfien ta’ dejjem. B’hekk wera xi tfisser l-imħabba fl-għola livell tagħha, jiġifieri, dik li wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn.
Allura, għandu jitqies bħala proxxmu kull min jinsab fil-bżonn ta’ l-għajnuna tiegħek, kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem. Dak huwa l-proxxmu tiegħek li inti għandek tħobb. Fil-proxxmu ilmaħ ix-xbiha ta’ Ġesù Kristu u ttratta miegħu daqslikieku qed tittratta ma’ Ġesù nnifsu. Ftakar li s-Sinjur Alla jgħodd magħmul miegħu nnifsu kull ma nagħmlu mal-proxxmu u jimxi magħna kif aħna nimxu miegħu. B’hekk meta ssejjaħlu fil-bżonn tiegħek, Alla żgur li ma jdawwarx wiċċu minnek.
L-imħabba għandha tkun:
- sinċiera: ibbażata fuq l-opri tal-ħniena.
- diżinteressata: bla ma tistenna xejn lura.
- universali: miftuħa għal kulħadd.
Mela jħobb lill-proxxmu min iħobb ’il kulħadd, ’il kull bniedem mingħajr ma jfittex lilu nnifsu, u billi jgħinu, kif jista’ bl-opri tal-ħniena.
Ħalli kull okkażjoni li tiġik biex tgħin u tħobb lill-proxxmu tnissel fil-qalb tiegħek ferħ ġenwin, mhux tant minħabba l-ħlas li tirċievi lura mis-Sinjur Alla, iżda minħabba l-unur spiritwali li permezz tal-imħabba ssir tixbaħ lis-Sinjur Alla.