Il-Bibbja, speċjalment it-Testment il-Ġdid, huwa l-iktar ktieb moqri u influwenti fid-dinja kollha. Però x’wassal biex dan is-sett ta’ kitbiet jiġi rikonoxxut bħala l-Kelma ta’ Alla għalina? Dan kien proċess li ħa medda twila ta’ żmien. Nibdew billi niffukaw ftit fuq it-Testment il-Ġdid.
Fit-tieni seklu wara Kristu, il-komunità nisranija bdiet tiġbor u tqassam id-dokumenti kollha li bdiet tara li huma ispirati minn Alla, u li għandhom awtorità divina. Fost dawn kien hemm l-erba’ Evanġelji, l-ittri tal-appostli, u kitbiet oħra li saru parti mit-Testment il-Ġdid.
L-Insara tal-bidu, raw valur kbir f’dawn il-kitbiet, kemm fuq livell personali u wkoll għall-komunità. F’dawn il-kitbiet, huma raw rifless tal-esperjenza tagħhom u kif ukoll tat-twemmin li kienu qed jgħixu. Għalihom, dawn dehru bħala gwida spiritwali u morali għal ħajjithom.
Inġibu quddiem għajnejna waħda mara tfittex iċ-ċurkett taż-żwieġ. Din tfittex kullimkien għax għaliha dan mhux biss ċurkett sempliċi imma huwa wkoll simbolu tal-imħabba u tal-għotja tagħha lil żewġha.
Bl-istess mod, f’dawn il-kitbiet li llum huma parti mit-Testment il-Ġdid, l-ewwel insara ma rawx biss kitba fuq karta, imma r-relazzjoni u l-għaqda bejnhom u bejn Alla u l-impenn tagħhom li jimxu fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Dan it-twemmin għenhom jikbru fit-twemmin u l-prattika nisranija u allura għamlu ħilithom biex iżommu ħajja din il-kitba.
Il-proċess tal-formazzjoni tal-kanoni kien kumpless ħafna. Ingħatat importanza lill-popolarità tal-kitbiet u kemm kienu diġà aċċettati mill-komunità, u mill-awtoritajiet tal-Knisja. Ġew meqjusa wkoll il-bżonnijiet tal-Komunità nisranija. Matul iż-żminijiet kien hemm numru ta’ gruppi u setet li kitbu kotba jixbhu lill-Evanġelji u lill-ittri fl-istil tagħhom, imma li l-ideat tagħhom kienu ’l bogħod mill-qalba tal-ewwel Evanġelji. Minħabba dawn il-kotba, il-mexxeja nsara bdew il-proċess li jiġbru l-kotba li l-knejjes kienu qed jużaw u jaraw liema minnhom kienu ispirati minn Alla.
Maż-żmien, numru ta’ skoperti arkeoloġiċi tefgħu dawl ġdid fuq l-iżvilupp tat-Testment il-Ġdid. Waħda minn dawn l-iskoperti kienet dik tar-Rylands Library Papyrus P52, magħruf bħala l-framment ta’ San Ġwann. Dan il-framment żgħir ta’ papiru fih ftit versi mill-Evanġelju skont Ġwanni u huwa maħsub li jmur lura għall-ewwel nofs tat-tieni seklu wara Kristu. Huwa parti mill-iktar kopji bikrin tat-Testment il-Ġdid li nafu bihom.
Fis-seklu erbgħa wara Kristu, wieħed minn missirijiet il-Knisja, Atanasju ta’ Lixandra, ħareġ lista ta’ 27 Ktieb tat-Testment il-Ġdid. Din il-lista kienet aċċettata ħafna mill-knisja fil-Lvant u eventwalment saret l-istandard għall-knejjes Ortodossi li jitkellmu bil-Grieg.
Fil-Punent, il-kanoni ma ġiex konkluż uffiċjalment qabel il-Konċilju ta’ Trento fis-seklu 16. Dan il-Konċilju kkonferma s-27 ktieb tat-Testment il-Ġdid bħal-Lvant, flimkien mas-46 ktieb tat-Testment il-Qadim bħala parti mill-kanoni Kattoliku.
Illum, it-Testment il-Ġdid huwa rikonoxxut bħala l-kelma awtorevoli ta’ Alla minn miljuni ta’ Nsara madwar id-dinja. Huwa ħalla impatt qawwi fuq iċ-ċiviltà tal-Punent u l-messaġġ tiegħu ta’ mħabba, tama, verità u fidwa għadu jispira u jibdel il-ħajjiet tal-bnedmin.
Il-formazzjoni tal-kanoni tat-Testment il-Ġdid tassew li ħa sekli sħaħ, iżda l-wirt dejjiemi tiegħu huwa xhieda tal-qawwa u r-rilevanza tal-messaġġ li fih għan-nies kollha, ta’ kull żmien.